servizz.gov Għinna nagħtuk servizz aħjar - Mniedi servizz ieħor ta’ e-government
It-tnedija tas-servizz.gov, hija xhieda oħra tal-impenn tal-Gvern biex jirriforma is-servizz pubbliku sabiex il-poplu jkun jista’ jingħata servizz aħjar. Dan qalu l-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali Austin Gatt, waqt it-tnedija tas-servizz tal-e-government, servizz.gov. Dan is-servizz huwa servizz li permezz tiegħu il-pubbliku jista’ jressaq mistoqsijiet, suġġerimenti u lmenti lill-entitajiet pubbliċi fuq is-servizzi kollha offruti minnhom.
Il-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokal Austin Gatt fid-diskors tieghu, filwaqt li fisser dan is-servizz bħala kumpless għax jgħaqqad flimkien il-Ministeri, Dipartimenti u Entitajiet Pubbliċi kollha, spjega kif dan is-servizz ġie mfassal b’mod u manjiera li jkun faċli għal min irid jużah.
Il-proċess ta’ l-iżvillupp ta’ din is-sistema ħa 16-il xahar. Kienu sittax-il xahar li fihom saret ħidma, u analiżi ta’ kif l-entitajiet u d-dipartimenti jkunu jistgħu jaħdmu flimkien. Dr. Gatt spjega li l-Gvern ried li din ma tkunx sistema imposta imma sistema li tiġi aċċetata mill-ogħla uffiċjali fis-Servizz Pubbliku bħala għodda prinċipali ta’ kif jingħataw is-servizzi min-naħa tagħhom.
Fil-fatt dan is-servizz jinkorpora flimkien 400 impjegat li huma lesti biex jipproċessaw it-talbiet, suġġerimenti u lmenti tal-pubbliku.
Dr. Gatt fisser il-proċess li nbeda fl-2001 billi ġew appuntati Customer Care Officers fl-uffiċċji tas-Segretarji Permanenti f’kull Ministeru u eventwalment Customer Care Officers fid-Dipartimenti kollha tal-Gvern. Dan jfisser li hemm 400 ruħ li xogħlhom huwa li jipproċessaw is-suġġerimenti, ilmenti u mistoqsijiet li jaslulhom.
Sar taħriġ estensiv biex jiġi żgurat li s-sistema taħdem u tibqa’ taħdem.
Dr. Austin Gatt qal li l-għan ta’ dan is-servizz kien li tinħoloq sistema li ċ-ċittadini Maltin jkollhom aċċess faċli għalija u jkollhom sistema li tirrispondi għall-kull tip ta’ mistoqsija, jew ilment li jkun hemm. Huwa spjega kif fil-bidu tas-sena din is-sistema bdiet titħaddem fil-Kunsilli Lokali, u l-ilmenti kollha, li kienu qed jsiru bdew jiġu proċessati permezz ta’ din is-sistema. Mill-kummenti, ilmenti u suġġerimenti li saru 75% kienu jikkonċernaw lill-Gvern u Awtoritajiet, filwaqt li 25% lill-Kunsilli Lokali. Il-maġġoranza ta’ l-ilmenti lill-Gvern kienu ilmenti li jikkonċernaw lil Enemalta u l-Water Services Corporation. Wieħed seta’ jinnota li din is-sistema tejbet ir-rata li biha jiġu ndirizzati l-ħtiġijiet taċ-ċittadin.
Dr. Austin Gatt fisser li issa li din is-sistema ġiet mnedija permezz ta’ l-internet, l-għan li jmiss huwa li dan is-servizz jiġi integrat fis-sistema tal-m-government, biex wieħed ikun jista’ jirċievi komunikazzjoni permezz ta’ SMS dwar xi jkun ġara mit-talba tiegħu.
Il-Ministru Gatt fisser li dan is-servizz iktar minn sistema ta’ kompjuter, huwa pass ieħor u pass kbir fir-riforma li l-Gvern għamel fis-settur pubbliku. Permezz ta’ dan is-servizz biddilna l-prijorita’ ta’ kif jaħdem il-Gvern. Il-prijorita issa hija l-ħtigijiet taċ-ċittadin u mhux il-ħtigijiet tad-Dipartiment. Permezz ta’ din is-sistema qed nistabilixxu wkoll fejn huma r-responsabiltajiet, bejn is-Servizz Pubbliku u l-Ministeri u qed tgħabbi iktar responsabilta’ fuq is-Servizz Pubbliku biex ikun effiċjenti.
Din is-sistema għandha tgħin ukoll biex il-Gvern jkun jista’ jmexxi l-amministrazzjoni tiegħu b’mod strateġiku. Dan għax permezz ta’ dan is-servizz wieħed jkun jista’ janalizza ix-xejriet ta’ x’inhuma l-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku. Tkun tista’ wkoll tgħinna biex jitfassal il-pjan u l-linji li wieħed jkun jrid jippjana fuqhom.
Dr. Austin Gatt fisser li dan huwa pass ieħor importanti ta’ fiduċja fil-poplu Malti minbarra li huwa eżerċizzju ieħor fit-trasparenza.
Il-Ministru Gatt ħabbar ukoll li din is-sistema ġiet magħzula mill-Kunsill ta’ l-Ewropa bħala Best Practice Model ta’ Gvern Elettroniku, u sistemi ta’ Gvern Modern, minn fost l-inizjattivi kollha li qed jittieħdu fil-pajjiżi membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Dan ikompli jikkonferma l-viżjoni tal-Gvern ta’ Malta bħala mudell fil-qasam tal-ICT, u biex tkun ċentru reġjonali fil-qasam elettroniku qed issir realta’.
Stqarrijiet Oħra:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930