Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TA’ L-e-GOVERNMENT CUSTOMER CARE SYSTEM – KASTILJA - IT-TLIETA, 19 TA’ NOVEMBRU 2002

PR1630
Date Icon 19/11/2002

It-tieni wegħda tal-programm elettorali li fuqu kien elett dan il-Gvern kienet tgħid li “kull min iressaq ilment jew talba jkun mgħarraf f’qasir żmien u minn żmien għall-ieħor fejn waslet it-talba jew l-ilment, imbagħad id-deċiżjoni li tkun ittieħdet dwarha, u għaliex.”

Illum, qegħdin naraw kif irnexxielna ngħaġġnu flimkien ir-riformi kbar li wettaqna fl-operat tas-servizz pubbliku, l-investiment qawwi li għamilna fil-qasam tat-teknoloġija ta’ l-informatika u l-programm intensiv ta’ deċentralizzazzjoni tal-poter, biex proprju irrejalizzajna din il-wegħda elettorali.

Aktar minn sempliċi sistema elettronika, illum qegħdin nintroduċu kunċett radikalment ġdid ta’ kif taħdem ir-relazzjoni bejn il-Gvern u l-klijenti tiegħu. Nemmnu li issa dan huwa possibbli għaliex qegħdin fi stadju fejn nistgħu naħsdu dak li żrajna fi tlettax-il sena ta’ riforma dinamika tas-settur pubbliku. Riforma, li minbarra l-eradikazzjoni tal-klijentaliżmu rat ukoll it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet effettivi u l-introduzzjoni ta’ programmi u inizjattivi intiżi biex il-ħaddiema tal-Gvern ikunu motivati fil-ħidma tagħhom f’oqsma tant importanti għat-tisħiħ tas-soċjetà u tkattir ta’ l-ekonomija tagħna.

Sa mill-bidu nett tal-ħidma tal-Gvern immexxi minni, emminna illi t-teknoloġija, it-telekomunikazzjoni u l-informatika kienu ser ikunu għodod strateġiċi fil-qafas sħiħ tar-riforma kif ukoll kienu ser jiftħu bibien ta’ opportunitajiet ġodda biex inkunu nistgħu nagħtu servizz aħjar. Illum qegħdin nikkonfermaw kemm kienet valida l-viżjoni li kellna dakinhar u kemm kienu għaqlija id-deċiżjonijiet kuraġġużi li ħadna fil-bidu ta’ l-ewwel leġislatura tagħna.

Meta żżewweġ dan kollu mal-ħidma bla waqfien li wettaqna fil-qasam tad-deċentralizzazzjoni tal-poter, wieħed jirrejalizza kemm il-pass li qegħdin nagħmlu llum huwa manifest ċar ta’ kif qegħdin inpoġġu fil-prattika l-politika tagħna dwar it-trasparenza u l-accountability. Mingħajr ebda dubju dan tal-lum huwa eżerċizzju ieħor fit-tisħiħ tad-demokrazija ta’ pajjiżna.

Meta nħares lejn dawn is-servizzi tal-Gvern l-aktar ħaġa li timpressjonani hija d-differenza kbira fil-mod ta’ kif issa qegħdin nipprovdu s-servizzi tal-Gvern. Differenza li qegħda tixpruna dejjem aktar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadin fid-deċiżjonijiet li jieħdu l-Gvernijiet. Differenza reali li qiegħda tissarraf f’titjib tanġibbli fil-kwalità ta’ servizzi pubbliċi illi l-Gvern qiegħed joffri lill-pubbliku.

Iżda d-differenza ma tagħmilhiex bil-paroli jew bil-gimmicks. Lanqas tagħmilha b’wegħdiet fiergħa li tkun taf li m’humiex fl-interess tal-pajjiż. Għall-kuntrarju d-differenza tagħmilha billi jkollok viżjoni ċara ta’ fejn trid tasal u billi jkollok il-ħila tittraduċi din il-viżjoni f’kullana ta’ programmi u inizjattivi li flimkien jikkontribwixxu għall-għanijiet komuni tagħna.

U għalhekk huwa ferm importanti li kulħadd jifhem illi l-iżviluppi kbar li qegħdin nirreġistraw fil-qasam tal-Gvern elettroniku u fl-informatika m’aħniex qegħdin sempliċiment nagħmluhom biex nidhru moderni jew sofistikati. F’dan il-proċess kollu t-teknoloġija hija biss il-mezz u ċertament mhux l-għan. L-għan tagħna huwa wieħed: li nagħtu dejjem aktar opportunitajiet lil kull Malti u Għawdxi li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu biex ikun jista’ jgħix aħjar.

Iżda ħażin nagħmlu jekk nieħdu dan it-titjib for granted. Dan it-titjib ma jseħħx b’kumbinazzjoni jew bħala konsegwenza naturali taċ-ċirkostanzi li qed ngħixu fihom. Huwa biss possibbli għaliex dan il-Gvern dak li jwiegħed iwettqu. Huwa possibbli għaliex il-bniedem u mhux il-magna huwa l-qofol tal-politika ta’ dan il-Gvern. Fuq kollox huwa possibbli għaliex meta dan il-Gvern jiġi biex jagħżel f’idejn min għandu jkun il-poter dejjem għażel li dan ikun f’idejn iċ-ċittadin u mhux f’idejn l-istat.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION OF THE ELECTORAL PROGRAMME  Malta Miegħek: Funding increased for music education in band clubs and voluntary organisations working with youths

PR261930en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI  Malta Miegħek: Jiżdiedu l-għotjiet għat-tagħlim tal-mużika fil-każini tal-banda u għall-għaqdiet volontarji li jaħdmu fost iż-żgħażagħ

PR261930

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-BENESSERI U L-IMPLIMENTAZZJONI T...

More Press Releases Right arrow