FL-UNJONI EWROPEA, IL-MALTIN JGĦIXU AĦJAR
F’dawn l-aħħar erba’ snin, b’riżultat ta’ l-inizjattivi kollha li ħa l-Gvern rajna titjib reali fl-oqsma importanti kollha li jolqtu l-poplu Malti direttament; is-saħħa, ix-xogħol, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, toroq u komunikazzjoni kif ukoll l-ambjent.
Kulħadd jixtieq ħajja aħjar għalih u għal uliedu. Issa jonqos li dak kollu li ksibna nibzgħu għalih u nkomplu nibnu fuqu. Bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, nistgħu verament nkomplu nsaħħu pajjiżna u ngħixu aħjar. Kien għalhekk li l-Gvern ħadem b’impenn biex iwitti t-triq għas-sħubija bl-aħjar kundizzjonijiet possibbli. Bħala ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea, ikollna l-garanżiji ta’ ġid u sigurtà li għandna bżonn sabiex ngħixu aħjar. Sħubija fl-Unjoni Ewropea tagħmel minn Malta pajjiż aħjar għax se tfisser serħan tal-moħħ, paċi u livell aħjar ta’ għixien għall-familji Maltin. B’Malta fl-Unjoni Ewropea nafu sew fejn se nkunu; se jkollna kundizzjonijiet ta’ ħajja u xogħol tajbin, livell ta’ għixien ogħla u aktar opportunitajiet ta’ xogħol f’ Malta għall-Maltin.
Malta tbiegħ il-prodotti u s-servizzi tagħha fis-swieq barranin li l-biċċa l-kbira tagħhom jinsabu fl-Unjoni Ewropea. Il-maġġoranza kbira ta’ turisti li jiġu jżuruna huma wkoll mill-Unjoni Ewropea. Biex pajjiżna jimxi ’l quddiem irridu niftħu l-bieb għal dawn is-swieq fejn inkunu nistgħu nbiegħu bla ebda xkiel dak li nipproduċu. Sħubija fl-Unjoni Ewropea se tkun iċ-ċavetta għal dan kollu għaliex tiftaħ beraħ il-bibien ta’ l-opportunità.
Zgur li lkoll kemm aħna nixtiequ nkunu nafu fejn se nkunu għada, sabiex ikollna s-serħan il-mohh li nistgħu nippjanaw ħajjitna fiż-żgur. Sħubija fl-Unjoni Ewropea tagħtina dik il-garanżija.
Kull deċizjoni li tittieħed mill-Unjoni Ewropea qed taffetwana bħalissa u se taffetwana fil-futur. Għalhekk jagħmel ħafna aktar sens li aħna nkunu mal-mejda tad-deċiżjonijiet li jolqtuna direttament. Hija din is-saħħa li tagħtina sħubija fl-Unjoni, li se tgħinna biex insawru d-destin ta’ pajjiżna.
Il-livell għoli ta’ ħajja li jgawdu Ewropej oħrajn jiġi minn snin twal ta’ sħubija ta’ pajjiżhom fl-Unjoni Ewropea. Il-Maltin ukoll jistgħu jgħollu l-livell ta’għixien għal dak li jgawdu sħabna l-Ewropej. Sħubija fl-Unjoni tagħtina għazla usa’, u kwalità ogħla ta’ prodotti bi prezzijiet irħas minn tal-lum. Il-Malti ma jistħoqqlu xejn anqas. Fl-Unjoni Ewropea ċ-ċittadin jippretendi l-aħjar bi dritt u għalhekk jeżistu ħafna liġijiet biex dan ikun garantit.
Dan hu li jfisser sħubija fl-Unjoni Ewropea; ħajja aħjar għalina l-Maltin f’pajjiżna stess. Għalhekk filwaqt li ħadem ħafna, u wettaq diversi inizjattivi f’ Malta stess, il-Gvern ħadem ukoll biex ilesti t-triq għall-għazla li l-poplu Malti dalwaqt se jkollu jagħmel. Hi għazla kruċjali li fuq kollox ma jkunx hemm opportunità oħra li nagħmluha.
Bl-għazla ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea se nkomplu nsaħħu pajjiżna u b’hekk inkomplu ngħixu aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930