STRATEĠIJA INNOVATTIVA FIL-ĦARSIEN TAL-WIRT STORIKU
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech, waqt li kien qed jindirizza workshop organizzat mis-SACES, qal li kienu qegħdin f’post storiku li tul is-sekli serva għad-difiża ta’ pajjiżna taħt diversi qawwiet fosthom fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, meta ta kontribut ewlieni għar-rebħa kontra t-Torok fl-Assedju ta’ l-1565 u fi żmien l-Inġliżi, meta kien bażi importanti għall-flotta Ingliża. Dan il-Forti illum qed iservi bħala ċentru għal attivitajiet filantropiċi. Dawn l-inħawi qed ikunu żviluppati ukoll f’ċentru turistiku, bil-bini ta’ yacht marina, lukanda, appartamenti u bir-riabilitazzjoni u r-restawr ta’ bini storiku li qed jingħata użu bħal ma seħħ fil-każ tal-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Francis Zammit Dimech qal li l-Forti Sant’Anġlu u l-inħawi qrib tiegħu għaddejjin minn ristrutturazzjoni u riġenerazzjoni. Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li dan il-Gvern
- F’Diċembru 1998 laħaq ftehim ma’ l-Ordni Sovrana tal-Kavallieri dwar il-Forti Sant’Anġlu, fil-jum li fih l-Ordni kienet qed tiċċelebra f’Malta d-disa’ ċentinarju mit-twaqqif tagħha. Il-Forti ngħata lill-Ordni b’ċens għal 99 sena bħala post ċentrali fejn isiru l-laqgħat ta’ l-Ordni. L-Ordni intrabtet li tkompli tirrestawra l-Forti Sant’Anġlu b’nefqa ta’ tliet miljun dollaru Amerikan.
- neħħa l-pont li kien inbena fis-snin sebgħin biex jgħaqqad il-Birgu mal-Forti Sant’Anġlu. Dan kien jistona ma’ l-ambjent ta’ l-inħawi.
- waqqa’ l-bini magħruf bħala taċ-Ċiniżi li kien imiss mas-swar ta’ l-istess forti.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li wara dawn l-interventi l-Forti Sant’Anġlu beda jingħata mill-ġdid l-prestiġju li kien igawdi fiż-żminijiet l-imgħoddija bħala għassies ta’ l-ibliet ta’ madwaru!
Francis Zammit Dimech fakkar li bħala parti mill-proġett tal-Kottonera sar tindif ta’ l-imħażen taħt il-Forti Sant’Anġlu li kien fi stat hekk ħażin li kienet qed issirhom ħsara. Dawn l-imħażen ukoll se jingħataw użu mill-ġdid bl-iskop li jitkattar l-interess fl-istorja ta’ pajjiżna mill-Maltin u l-barranin. Hu qal li fi żmien qasir kien se jibda xogħol ta’ tiswija tal-mollijiet taħt il-Forti biex ikunu tajbin għall-irmiġġi. Francis Zammit Dimech fakkar li fil-11 ta’ Ottubru l-MEPA ħarġet il-permessi neċessarji għax-xogħol ta’ tisbiħ u riallinjament tal-moll.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li fix-xogħol ta’ restawr u riabilitazzjoni li qed isir fil-Forti, taħt il-Forti u madwar il-Forti kien qed jitħaddem il-kunċett ta’ sħubija bejn il-Gvern u s-settur privat bl-iskop li mhux biss jitħares il-bini storiku ta’ pajjiżna iżda jingħata wkoll użu ħalli jitgawda u jkattar il-ġid nazzjonali.
Francis Zammit Dimech qal li fit-twettiq ta’ dan il-proġett il-Gvern kien qed jintroduċi strateġija innovattiva fejn flimkien miegħu kienu qed jipparteċipaw f’dan l-iżvilupp l-Ordni Sovrana tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Cottonera Waterfront Group. Hu qal li l-Ordni Sovrana tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kienet qed tirrestawra l-Forti u tużaħ bħala ċentru ta’ għajnuna medika u għajnuna umanitarja f’każi ta’ emerġenza fil-baċir tal-Mediterran. Kienet qed tużaħ ukoll għal laqgħat spiritwali u kulturali li għalihom jiġu lejn pajjiżna eluf ta’ nies li jagħtu kontribut qawwi għar-riġenerazzjoni tat-tliet ibliet. Hu qal li l-Cottonera Waterfront Group naddfu Caraffa Stores, li qed ikunu restawrati; naddfu Seagate Vaults u l-imħażen taħt il-Forti. Il-Gvern min-naħa tiegħu neħħa bini li kien jistona mal-post u jkerrħu, qed iwassal servizzi essenzjali meħtieġa u flimkien ma’ wieħed mill-konsorzji se jsewwi l-mollijiet li se jkunu parti minn yacht marina li se tipprovdi irmiġġi għal 255 yacht li sa 34 minnhom ikunu superyachts.
F’din il-ħidma kollha l-Gvern kien qed jorbot żewġ kunċetti ewlenin: l-użu ta’ bini storiku biex ma tkomplix issirlu ħsara u r-riġenerazzjoni ta’ l-inħawi li għal bosta snin qatgħu lura sew minħabba li l-ħidma tat-tarznari naqset kif ukoll għaliex is-settur turistiku baqa’ ’l bogħod mill-inħawi.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech awgura li l-istudenti li kienu qed jipparteċipaw f’dan il-workshop ikomplu jgħożżu dejjem aktar il-wirt storiku ta’ pajjiżna li mhux biss kien jagħmilna Maltin iżda wkoll nazzjon bl-identità tiegħu.
Other Press Releases:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930