SUPERVIŻJONI TAL-KWALITA` TA’ L-ISKEJJEL
“Il-Gvern irid li l-iskejjel kollha ta’ Malta jtejjbu l-kwalita` ta’ l-edukazzjoni li qed jagħtu lit-tfal tal-familji Maltin. Biex dan isir jeħtieġ li d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni tikkonċentra fuq is-superviżjoni u l-assikurazzjoni tal-kwalita` tal-iskejjel, filwaqt li jinħoloq spazju komuni fuq l-istess livell fejn skejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti/Privati kollha jitmexxew f’qafas ta’ awtonomija u fejn kull skola tingħaraf għall-karatteristiċi speċifiċi tagħha. B’hekk il-ġenituri ikunu jistgħu jagħmlu għazla aktar reali u konkreta għall-ġid ta’ uliedhom."
Dan sostnieh il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Dr Louis Galea, meta nhar is-sibt 16 ta` Novembru indirizza konferenza ta’ ġenituri fl-okkazjoni tat-twaqqif tal-Għaqda ta’ Ġenituri tat-Tfal fl-Iskejjel tal-Knisja li saret fil-Lukanda Dolmen, il-Qawra.
Il-Ministru Louis Galea fakkar li l-Knisja Kattolika kienet hi l-ewwel, qabel l-Istat, li holqot servizzi soċjali u edukattivi b’risq il-poplu Malti. Huwa fakkar li l-fundaturi ta’ l-iskejjel tal-Knisja ma riedux sempliċi skejjel, iżda riedu skejjel b’karisma speċjali mibnija fuq il-valuri insara. Il-Ministru fisser li din għandha tkun il-mira ta’ l-iskejjel kollha għaliex waħda mis-saħħa speċjali ta’ Malta s’issa hi ix-xhieda qawwija ta’ valuri insara.
Il-Ministru Galea fisser li din l-Għaqda tal-Ġenituri hi l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fuq livell nazzjonali u hi differenti mill-Assoċjazzjonijiet tal-Ġenituri-Għalliema li għandna fl-iskejjel tagħna. Huwa fisser li illum kulħadd jirrikonoxxi is-sehem essenzjali tal-ġenituri fl-iżvilupp edukattiv tal-poplu. Għaldaqstant irid jasal żmien meta tinħoloq l-għaqda tal-ġenituri tat-tfal fl-iskejjel ta` l-Istat u l-għaqda tal-ġenituri tat-tfal fl-iskejjel indipendenti. Dawn l-għaqdiet huma meħtieġa biex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kollha fil-qasam ta’ l-edukazzjoni.
Louis Galea fakkar li l-Knisja tmexxi 86 skola mill-livell tal-Kinder sal-livell post-sekondarju bi kwazi 17,000 student. Bis-saħħa tal-ftehim bejn Gvern u Knisja, fl-aħħar ħmistax il-sena l-iskejjel tal-Knisja inghataw LM 60 miljun lira f’appoġġ finanzjarju mill-Gvern, filwaqt li l-Knisja ħarġet madwar LM 8 miljuni. Din l-għajnuna issa qed toqrob l-LM 10 miljun fis-sena li jiġu votati fil-Budget tal-Gvern.
Il-Ministru Galea fisser kif il-Kurrikulu Nazzjonali huwa l-mappa li jsegwu l-iskejjel kollha fil-vjaġġ edukattiv tat-tfal tagħna. Huwa qal li l-inizjattivi li l-Gvern qed jieħu għall-iskejjel tiegħu qed jeħodhom ukoll għall-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti. Huwa ta’ sodisfazzjon li illum l-iskejjel qed jaħdmu flimkien ħafna aktar milli qatt qabel għall-ġid tat-tfal. Il-Gvern irid isaħħaħ id-diversita` fost l-iskejjel tagħna u qed jaħdem biex dawn isiru Ċentri fil-Kommunita` għas-servizz sew tat-tfal kif ukoll tal-kbar. Issa huwa importanti li jinħolqu l-istrutturi bl-iskop li jibda jkun hemm superviżjoni professjonali u assikurazzjoni xjentifika tal-kwalita` tal-ħidma u r-riżultati tal-iskejjel f’pajjizna.
Il-Ministru Louis Galea ferah lill-Għaqda ta’ Ġenituri tat-Tfal fl-Iskejjel tal-Knisja u inkoraġġihom biex jistħarrġu, jiddiskutu u jipproponu azzjoni ħalli l-iskejjel tal-Knisja jissaħħu u jkomplu jaqdu l-missjoni li ġiet fdata lilhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930