STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-INFRASTRUTTURA DWAR PROĠETTI LI JIĠĠENERAW L-INĦAWI MADWAR IL-PORT IL-KBIR
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jinnota li l-Kap ta l-Oppożizzjoni Dr Alfred Sant, qed jagħti l-impressjoni li ilu nieqes minn pajjiżu għal żmien twil meta jiddikjara, kif kien irrapurtat fil-gurnali lokali tal-bierah, li proġetti bħal tal-cruise liner passenger terminal jinsabu mwaħħlin għal kollox.
Il-Mnisteru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar li l-mozzjoni dwar it-trasferiment ta’ l-art lill-konsorzju VISET għaddiet mill-Parlament f’Lulju tas-sena l-oħra. Fl-aħħar tas-sena l-oħra beda x-xogħol proprju tal-proġett:
- Inbena għal kollox il-blokk biex ikunu akkomodati d-disa’ negozji li ntlaqtu mill-proġett.
- Saru faċilitajiet temporanji għall-passiġġieri li qed jintużaw mill-eluf ta’ turisti u passiġġieri li jużaw il-mollijiet u s-Sea Passenger Terminal.
- Beda x-xogħol tat-triq li tgħaqqad il-Marsa mal-belt Valletta u li se tgħaddi minn bejn is-swar u l-imħażen ta’ Pinto u Forni.
- Beda x-xogħol tar-restawr ta’ l-imħażen ta’ Pinto u Forni.
- Qed jinkixef il-moll li nbena mill-Kavallieri ta’ San Ġwann li se jifforma parti mil-laguna li se tinbena bħala parti mill-proġett.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jinnota li l-Kap ta l-Oppożizzjoni ilmenta li l-inħawi tal-Port il-kbir ġew abbandunati. Xejn mhu aktar ’il bogħod mill-verità. Il-Port il-Kbir tilef ħafna mill-attività tiegħu taħt gvernijiet immexxija mill-Partit Laburista fiż-żmien ta’ wara li telqu s-servizzi Ingliżi minn Malta. Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista ħasbu li l-port il-Kbir ma jservix aktar għal ħtiġiet marbuta mal-gwerra iżda għal faċilitajiert marburta mal-paċi, mal-ħidma turistika li fuqha qed tinbena parti sostanzjali mill-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l l-Infrastruttura qal li bħalissa madwar il-Port il-Kbir qed jitwettqu diversi proġetti li jinkludu:
- Il-Cruise Liner Passenger Terminal fuq in-naħa tal-belt Valletta.
- Il-proġett tal-Kottonera fuq in-naħa l-oħra tal-port u li hu maħsub li jiġġenera t-tliet ibliet. Dan il-proġett jinsab fi stat avvanzat.
- Ir-restawr tal-Forti Sant’Anġlu li qed jingħata mill-ġdid il-glorja ta’ l-imgħoddi.
- Ir-restawr tas-swar madwar il-Forti Ricasoli li jispikkaw appena tidħol fil-Port il-Kbir.
- Ir-riabilitazzjoni u r-restawr tal-Barrakka t’Isfel u l-Barrakka ta’ Fuq.
Dawn il-proġetti jinvolvu investiment ta’ madwar Lm30 miljun u juru li l-inħawi madwar il-Port il-Kbir mhux talli ma ntelqux, kif allega l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, iżda qatt daqs fl-aħħar erba’ snin ma ngħatatilhom daqshekk attenzjoni. Dan bl-iskop li l-inħawi kollha madwar dan il-port uniku fid-dinja jkunu riabilitati u mgawdija sew mill-Maltin kif ukoll mill-eluf ta’ turisti li jżuruna kull sena.
Other Press Releases:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930