Sistema ta’ taxxa li tiffavorixxi lill-bdiewa
L-aħbar li qed tixxandar fuq Radju Super One dwar l-introduzzjoni ta’ withholding tax għall-bdiewa, hija turija oħra li dak li tgħid l-Oppożizzjoni Laburista dwar is-settur tal-biedja hu biss insult għall-intelliġenza tal-bdiewa u ta’ dawk li jirrappreżentawhom.
Il-Gvern qed isib koperazzjoni sħiħa anki mir-rappreżentanti tal-bdiewa dwar id-dħul tas-sistema ta’ withholding tax, minflok is-sistema preżenti bl-iskop li din tkun ta’ vantaġġ u benefiċċju għall-bdiewa peress li din it-taxxa tkun final tax u l-bdiewa ma jkollhomx bżonn iżommu accounting records tad-dħul u l-ispejjeż.
Bħalma ingħad lir-rappreżentanti tal-bdiewa, il-Gvern hu impenjat li jikkonsulta magħhom fuq kwalunkwe tibdil u d-dokument li ntbagħat lill-għaqdiet tal-bdiewa huwa l-bażi għal konsultazzjoni.
Fil-laqgħa li saret nhar it-Tnejn, 11 ta’ Novembru, ir-rappreżentanti tal-bdiewa kellhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar din l-iskema ta’ withholding tax.
Kien hemm xi punti ta’ differenza u l-Ministeru ta’ l-Agrikultura u s-Sajd stieden lir-rappreżentanti jibagħtu l-kontro-proposti kemm dwar ir-rata ta’ bejgħ fil-Pitkalija, kif ukoll fuq ir-rata ta’ bejgħ lill-lukandi u ristoranti. Dawn il-kontro-proposti, li jixhdu s-serjetà ta’ min jirrappreżenta lill-bdiewa f’pajjiżna, se jkunu kunsidrati mill-Ministeru tal-Finanzi u mill-Ministeru ta’ l-Agrikultura u s-Sajd.
Ta’ min jgħid ukoll li m’hux minnu li l-ispejjeż m’humiex se jkunu kunsidrati fil-kalkolu tat-taxxa u f’dan ir-rigward, il-kontro-proposti tar-rappreżentanti tal-bdiewa huma validi u se jkunu wkoll kunsidrati. Il-bdiewa Maltin u Għawdxin jixirqilhom rispett akbar mill-Oppożizzjoni Laburista.
B’konsultazzjoni sħiħa mar-rappreżentanti tal-bdiewa, il-Gvern irid li din il-withholding tax tagħti vantaġġi u benefiċċji lill-bdiewa.
Ta’ min jirrimarka wkoll li filwaqt li kienu qegħdin jikkwotaw x’qalilhom is-Segretarju ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa, is-Sur Peter Axisa, ixxandret intervista mas-Sur Joseph Galea, impjegat fid-Diviżjoni ta’ l-Ikel u Servizzi Veterinarji fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Agrikultura u s-Sajd, meta s-Sur Galea lanqas biss attenda għal-laqgħa li saret nhar it-Tnejn.
Other Press Releases:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930