STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jżur il-Kulleġġ San Albert il-Kbir fil-Belt Valletta
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, żar il-Kulleġġ San Albert il-Kbir fil-Belt Valletta wara stedina mir-Rettur tal-Kulleġġ, P. Aaron Zahra OP. Din kienet l-ewwel żjara minn sensiela ta’ żjarat li l-Ispeaker se jkun qed jagħmel fi skejjel differenti madwar Malta, bil-għan li l-Parlament ikompli jersaq aktar lejn in-nies u jsir istituzzjoni li tmur hi għand iċ-ċittadini, inkluż it-tfal u ż-żgħażagħ.
Matul iż-żjara, l-Ispeaker kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-membri tal-istaff u mal-istudenti tal-kulleġġ, u jitkellem magħhom dwar l-importanza tal-edukazzjoni u r-rwol tagħha fit-tiswir tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Parti importanti miż-żjara kienet il-laqgħa mal-istudenti tal-primarja u tas-sekondarja, li ħejjew għadd ta’ mistoqsijiet interessanti dwar il-Parlament, ir-rwol tal-Ispeaker u l-ħidma tiegħu. Matul din il-laqgħa, l-Ispeaker wieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom, u b’hekk l-istudenti kellhom l-opportunità jsiru jafu aktar mill-qrib dwar il-funzjonijiet tal-Parlament u l-ħidma tiegħu.
Waqt iż-żjara saret ukoll preżentazzjoni ta’ numru ta’ kartolini tal-Milied imfassla mill-istudenti bħala parti minn inizjattiva tal-Kulleġġ stess. F’din l-inizjattiva ħadu sehem aktar minn 120 student u studenta ta’ kull età, li użaw il-kreattività u t-talent tagħhom biex jiddisinjaw kartolini tal-Milied. Numru minn dawn il-kartolini se jintgħażlu sabiex jiġu stampati u jitqassmu mill-Ispeaker bħala kartolini uffiċjali ta’ awgurju għall-Milied.
Barra minn hekk, ix-xogħlijiet tal-istudenti se jkunu esebiti fil-foyer tal-Parlament, bħala parti minn wirja li se tittella’ mill-1 sal-10 ta’ Diċembru. Din il-wirja se tinkludi wkoll Bambini antiki minn kunventi differenti madwar Malta.
L-Ispeaker faħħar l-inizjattiva u l-kreattività tal-istudenti, filwaqt li enfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jingħataw opportunitajiet sabiex jesprimu t-talenti tagħhom u jkollhom kuntatt dirett mal-istituzzjonijiet nazzjonali.
Din iż-żjara tifforma parti mill-isforz biex il-Parlament ikompli jsaħħaħ ir-rabta tiegħu mal-komunità u mal-istituzzjonijiet edukattivi, filwaqt li jħeġġeġ liż-żgħażagħ isiru aktar familjari mal-ħidma tal-ogħla istituzzjoni demokratika tal-pajjiż.
Other Press Releases:
PR261970en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261969en