STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL Imniedi għall-konsultazzjoni pubblika l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp ta’ Akkwakultura Sostenibbli f’Malta
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp ta’ Akkwakultura Sostenibbli f’Malta 2026–2036, li tistabbilixxi direzzjoni strateġika għas-settur għall-għaxar snin li ġejjin.
Il-pjan, żviluppat bl-assistenza teknika tal-Kummissjoni Ewropea permezz tat-Technical Support Instrument (TSI), jibni fuq il-Pjan Nazzjonali Pluriennali għall-Iżvilupp tal-Akkwakultura Sostenibbli 2022–2030.
Il-Pjan ta’ Azzjoni jiffoka fuq id-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni, ir-reżiljenza u l-kompetittività u t-tranżizzjoni ekoloġika. Qed jiġi propost li jkun hemm aktar riċerka, infrastruttura speċjalizzata, titjib fil-proċessi regolatorji u miżuri għall-ħarsien tal-ambjent marittimu.
Il-Ministru Anton Refalo sostna li l-akkwakultura għandha rwol importanti fl-ekonomija blu Maltija. “Qed inħarsu lejn futur fejn l-akkwakultura tkompli tikber b’mod responsabbli. Irridu settur innovattiv u kompetittiv li joħloq opportunitajiet ekonomiċi filwaqt li jħares ir-riżorsi marittimi tagħna. Din il-konsultazzjoni hija opportunità biex nisimgħu lill-operaturi, lill-esperti u lill-komunitajiet,” qal il-Ministru Refalo.
Il-pjan tħejja wara diskussjonijiet ma’ operaturi, entitajiet pubbliċi, istituzzjonijiet akkademiċi u organizzazzjonijiet ambjentali.
Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura se jmexxi l-konsultazzjoni pubblika u jiġbor il-proposti tal-partijiet interessati, li se jiġu kkunsidrati qabel ma jitnieda l-pjan rivedut. Il-Ministeru jħeġġeġ lill-partijiet interessati jipparteċipaw sabiex il-pjan finali jirrifletti l-ħtiġijiet tas-settur u l-prijoritajiet ambjentali ta’ Malta.
L-abbozz tal-Pjan ta’ Azzjoni huwa disponibbli hawn: https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2026/NL-0042-2026.aspx. Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sal-11 ta’ Diċembru 2026.
Other Press Releases:
PR261891en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261891