STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Imnedija s-seba’ edizzjoni ta’ Kartolina Milied – it-tfal se jerġgħu jkunu l-artisti tal-awguri mibgħuta mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, nediet is-seba’ edizzjoni ta’ Kartolina Milied fejn it-tfal se jerġgħu jfasslu t-tpinġijiet u l-messaġġi tal-Kartolini tal-Milied mibgħuta mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-inizjattiva hija miftuħa għall-istudenti kollha mill-ewwel sas-sitt sena primarja, fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex, u mis-sottomissjonijiet kollha se jiġi ppremjat l-isbaħ disinn u l-aħjar kitba mill-istudenti tal-ewwel sat-tielet sena u mill-istudenti mir-raba’ sas-sitt sena.
Il-kartolini magħżula se jintbagħatu lill-familji u għaqdiet f’pajjiżna kif ukoll lill-Prim Ministri u dinjitarji oħra lil hinn minn xtutna.
Waqt it-tnedija tal-inizjattiva, qalb numru ta’ tfal minn diversi skejjel, Dr Abela esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li tara l-Berġa ta’ Kastilja mimlija bit-tbissima u l-enerġija tal-istudenti, kif ukoll bil-preżenza u l-entużjażmu tal-edukaturi li jagħmlu tant ġid biex jiffurmaw il-karattru ta’ uliedna.
Mart il-Prim Ministru qalet li t-tfal huma fiċ-ċentru tal-inizjattiva għaliex, minn għajnejhom, il-Milied huwa tassew speċjali. “Huwa żmien fejn l-iżgħar affarijiet iġibu l-ikbar eċitament, u fejn tpinġija sempliċi jew messaġġ żgħir iġorru tifsira importanti,” kompliet Dr Abela.
Spjegat kif kull sena jipparteċipaw mijiet ta’ tfal billi jpoġġu l-immaġinazzjoni tagħhom fuq karta u l-ideat ikunu impressjonanti. “Tiskanta xi ħsibijiet u x’sentimenti jkollhom f’moħħhom u f’qalbhom it-tfal, u dejjem b’dik l-oriġinalità li turik kemm it-tfal ikunu qed jaħsbu u joħolmu, skont l-esperjenzi tagħhom”, qalet mart il-Prim Ministru.
Dr Abela rrimarkat li t-tfal huma uniċi fl-arti tagħhom. Hija ħeġġet lill-istudenti biex jieħdu sehem f’din l-inizjattiva u fissrithom kollha bħala rebbieħa li se jwasslu xogħol mill-qalb.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli tkellem dwar kemm huwa essenzjali li t-tfal ikollhom kuntatt mal-arti minn età żgħira, biex irawmu l-kreattività, jiżviluppaw it-talenti u jagħtuhom il-kunfidenza jesprimu ruħhom b’mod liberu. Permezz ta’ inizjattivi bħal Kartolina Milied, qed jinħolqu opportunitajiet biex aktar tfal jesploraw il-ħiliet artistiċi tagħhom. “Bħala Kunsill Malti għall-Arti nemmnu li l-kultura hija dritt ta’ kulħadd u li kull tifel u tifla għandu jkollhom opportunitajiet indaqs biex jipparteċipaw fil-ħajja kulturali. Billi ninvestu fl-edukazzjoni artistika sa minn età żgħira, inkunu qed inrawmu ġenerazzjonijiet aktar kreattivi u nqiegħdu l-pedamenti għal soċjetà li tagħraf u tapprezza l-valur tal-arti”, temm jgħid Dr Dalli.
It-tfal għandhom jibgħatu l-kartolini tagħhom bil-posta lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Berġa ta’ Kastilja, il-Belt Valletta, jew b’mod diġitali fuq kartolinamilied@gov.mt, sa mhux iktar tard mit-Tnejn, 23 ta’ Novembru 2026.
Wara l-għażla tal-Kartolini tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ix-xogħol artistiku tat-tfal kollha se jkun espost fi Pjazza Kastilja biex b’hekk il-kreattività tat-tfal tkun tista’ titgawda mill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Other Press Releases:
PR261891en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261891