Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA Kummissarju Għoli u żewġ Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261809
Date Icon 28/10/2026

Kummissarju Għoli u żewġ Ambaxxaturi ġodda preżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta' Malta, fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta, illum, l-Erbgħa 28 ta' Ottubru 2026.

Dawn huma:

Il-Kummissarju Għoli tar-Repubblika tat-Tanżanija, l-Eċċellenza Tiegħu  Mbarouk Nassor Mbarouk,

L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Bulgarija, l-Eċċellenza Tiegħu Ivan Kondov, u

L-Ambaxxatur tal-Ukrajna, l-Eċċellenza Tiegħu Ihor Brusylo.

Waqt il-laqgħa tiegħu mal-Eċċellenza Tagħha, il-Kummissarju Għoli tat-Tanżanija tenna l-impenn li matul il-mandat tiegħu jkompli jsaħħaħ ir-rabtiet bilaterali, b'enfasi partikolari fuq il-promozzjoni tal-investiment, it-tisħiħ tal-iskambji kummerċjali u biex ikunu identifikati opportunitajiet ġodda ta' kollaborazzjoni ta' benefiċċju reċiproku, fosthom fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-turiżmu, u l-kollaborazzjoni portwali u marittima. F'dan ir-rigward, huwa rrefera għal serje ta' laqgħat li għandu skedati fil-jiem li ġejjin biex jiġu diskussi opportunitajiet għal aktar kooperazzjoni  bejn iż-żewġ pajjiżi.

Min-naħa tagħha,  l-Eċċellenza Tagħha esprimiet ir-rieda ta' Malta li taqsam l-esperjenza u l-għarfien li bniet matul dawn l-aħħar snin  f'setturi ta' interess komuni, biex tassisti lit-Tanżanija f'dawn l-oqsma.

Matul il-laqgħa tiegħu, l-Ambaxxatur Bulgaru ddiksuta il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Bulgarija fuq skala bilaterali, u saħaq kif dawn ir-relazzjonijiet huma b'saħħithom u jistgħu jiġu msaħħa aktar. Fuq skala multilaterali, huwa ħeġġeġ għal aktar ħidma fi ħdan l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Magħquda, filwaqt li tenna l-impenn ta' pajjiżu biex l-Unjoni Ewropea tkompli l-proċess ta' tkabbir tagħha.

Il-President ta' Malta tkellmet dwar ir-rieda li jkompli jissaħħaħ l-iskambju bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll dwar il-qagħda usa' tas-sigurtà Ewropea, b'enfasi kif l-implikazzjonijiet tal-kunflitti li għaddejjin bħalissa jestendu lil hinn mill-pajjiżi direttament involuti, u jaffettwaw is-sigurtà u l-istabbiltà tal-pajjiżi ġirien u tal-kontinent Ewropew kollu.

L-Ambaxxatur tal-Ukrajna esprima l-apprezzament sinċier tiegħu għas-solidarjetà u l-appoġġ kontinwu ta' Malta lejn il-poplu Ukren sa mill-bidu tal-gwerra, filwaqt li faħħar il-pożizzjoni ta' Malta bħala eżempju ċar ta' kif, għal Malta, in-newtralità ma tfissirx silenzju jew indifferenza quddiem ksur tad-dritt internazzjonali.

Min-naħa tagħha, il-President ta' Malta ġeddet l-impenn ta' Malta li tkompli tappoġġja lill-Ukrajna u lill-poplu Ukren kif għamlet f'diversi okkażjonijiet, sabiex tkompli tippromwovi l-prinċipji tal-ġustizzja, ir-responsabbiltà u r-rispett lejn id-dritt internazzjonali, li għandhom ikunu l-pedamenti ta' paċi ġusta u dejjiema.

Il-President Myriam Spiteri Debono ferħet lill-Kummissarju Għoli u lill-Ambaxxaturi għall-ħatra tagħhom.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT TA’ MALTA Kummissarju Għoli u żewġ Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow