Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Żewġ kummissarji Ewropej iżuru l-Iskola Primarja tan-Nadur waqt żjara uffiċjali f’Għawdex

PR261788
Date Icon 23/10/2026

Il-Ministru Byron Camilleri u l-Ministru Clint Camilleri jilqgħu lill-Kummissarji Ewropej Piotr Serafin u Glenn Micallef fi żjara li enfasizzat l-importanza tal-investiment Ewropew fl-edukazzjoni

Il-Kummissarju Ewropew għall-Budget, il-Ġlieda Kontra l-Frodi u l-Amministrazzjoni Pubblika, Piotr Serafin, u l-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Interġenerazzjonali, Kultura, Żgħażagħ u Sport, Glenn Micallef, żaru l-Iskola Primarja tan-Nadur, Għawdex, fejn ġew milqugħa mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, flimkien mal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.

Din iż-żjara tat opportunità lill-kummissarji Ewropej biex jiltaqgħu mal-istudenti u l-edukaturi, filwaqt li jaraw mill-qrib kif l-investiment permezz tal-fondi Ewropej qed jikkontribwixxi għal ambjent edukattiv aktar modern, aċċessibbli u sostenibbli.

Mal-wasla tagħhom, id-delegazzjoni ġiet milqugħa mill-kap tal-iskola, flimkien mal-amministrazzjoni tal-iskola u l-istudenti, li akkumpanjawhom matul iż-żjara. L-istudenti spjegaw l-istorja wara l-ismijiet magħżula għall-klassijiet permezz ta' mappa topografika tan-Nadur, filwaqt li d-delegazzjoni kellha l-opportunità żżur diversi klassijiet u titkellem mal-istudenti u l-edukaturi dwar l-esperjenzi tagħhom fl-iskola.

“Din iż-żjara hija opportunità importanti biex nuru kif il-kollaborazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea qed tissarraf f'benefiċċji konkreti għall-istudenti u l-edukaturi tagħna. Huwa ta' sodisfazzjon li nilqgħu lill-Kummissarji Ewropej Piotr Serafin u Glenn Micallef f'Għawdex, fejn jistgħu jaraw mill-qrib ir-riżultati ta' investiment li qed jagħmel differenza fil-ħajja ta' kuljum tat-tfal tagħna. Għalina, l-investiment fl-edukazzjoni huwa investiment fil-futur ta' pajjiżna. Irridu nkomplu noħolqu ambjenti edukattivi moderni, inklussivi u sostenibbli, li jagħtu lil kull student l-opportunità jiżviluppa l-potenzjal tiegħu. Permezz tal-kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej, se nkomplu naħdmu biex l-opportunitajiet u r-riżorsi disponibbli jissarrfu f'aktar investiment ta' kwalità fl-edukazzjoni, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex," qal il-Ministru Byron Camilleri.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Ilqajna ż-żewġ Kummissarji Ewropej Piotr Serafin u Glenn Micallef li ġew fil-gżira Għawdxija sabiex jaraw ukoll l-investiment li sar hawnhekk ġewwa l-iskola primarja tan-Nadur anke b'fondi Ewropej. Illum il-ġurnata qed naraw tfal li jattendu f'din l-iskola attrezzata mill-aqwa. Il-pjan tagħna hu li nkomplu kif qegħdin nagħmlu ninvestu fi skola wara l-oħra kif għamilna dan is-sajf fl-iskola ta' Kerċem se nagħmlu hekk fiż-Żebbuġ u fl-Għarb. L-investiment fl-edukazzjoni huwa investiment fil-futur ta' Għawdex, u l-ħidma se tkompli tiffoka fuq it-titjib tal-infrastruttura skolastika u l-ħolqien ta' ambjent li joffri lill-istudenti l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għat-tagħlim u l-iżvilupp tagħhom."

L-Iskola Primarja tan-Nadur hija waħda mill-iskejjel li bbenefikaw minn investiment permezz tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta' Malta, iffinanzjat minn NextGenerationEU. Dan l-investiment wassal għal titjib estensiv fil-faċilitajiet edukattivi, fl-aċċessibbiltà u fl-effiċjenza enerġetika tal-binja, li llum toffri ambjent aktar komdu u adattat għall-ħtiġijiet tal-istudenti u l-edukaturi.

Fost ir-riżultati miksuba, l-iskola rreġistrat tnaqqis ta' 82.6% fid-domanda għall-enerġija primarja, filwaqt li l-klassifikazzjoni tal-prestazzjoni enerġetika tagħha tjiebet minn Klassi D għal Klassi A. Il-proġett kien parti minn miżura li kopriet ukoll l-Iskola Primarja ta' Ħal Għaxaq, b'allokazzjoni totali ta' €10 miljun.

Matul iż-żjara, id-delegazzjoni ngħaqdet mal-istudenti kollha fil-bitħa ċentrali tal-iskola għaċ-ċerimonja tat-tlugħ tal-bnadar, akkumpanjata mill-kant tal-Innu Nazzjonali Malti, l-innu tal-iskola u l-innu Ewropew.

Iż-żjara serviet ukoll biex tenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli u l-opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Żewġ kummissarji Ewropej iżuru l-Iskola Primarja tan-Nadur waqt żjara uffiċjali f’Għawdex
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Żewġ kummissarji Ewropej iżuru l-Iskola Primarja tan-Nadur waqt żjara uffiċjali f’Għawdex
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow