Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Tiġi żgurata l-kwalità tal-ilma tax-xorb permezz ta' testijiet kontinwi akkreditati

PR261758
Date Icon 20/10/2026


Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tkompli ssaħħaħ il-kwalità u s-sigurtà tal-ilma tax-xorb f'Malta. Dan isir b'mod kontinwu permezz ta' ttestjar rigoruż tal-ilma prodott mill-impjanti tar-Reverse Osmosis fil-laboratorju ċentrali tagħha, li huwa akkreditat bl-istandard internazzjonali ISO/IEC 17025.

Din l-akkreditazzjoni hija rikonoxxuta internazzjonalment bħala l-ogħla standard għall-ittestjar u l-kalibrazzjoni fil-laboratorji, u tiżgura li l-metodi, it-tagħmir u l-proċeduri tal-Korporazzjoni jilħqu l-ogħla livelli ta' preċiżjoni u affidabilità.

L-ilma prodott mill-Korporazzjoni jgħaddi minn monitoraġġ kontinwu matul il-proċess kollu tal-produzzjoni. Dan isir billi jinġabru numru ta' kampjuni tul il-proċess u li jiġu analizzati b'mod regolari fil-laboratorju. Dan isir biex jiġi żgurat li l-ilma jkun konformi bis-sħiħ mal-istandards nazzjonali u Ewropej tal-ilma tax-xorb.

Waqt żjara fl-impjant ta' Għar Lapsi, bħala parti mill-kampanja '100 jum bis-saħħa tiegħek', il-Ministru Miriam Dalli segwiet dan il-proċess mill-qrib, flimkien mal-Inġ. Mark Bugeja, minn meta jinġabar il-kampjun tal-ilma direttament mil-linja tal-produzzjoni sa meta jiġi analizzat fil-laboratorju tal-Korporazzjoni.

Taħt il-gwida tal-ħaddiema responsabbli mill-ġbir tal-kampjuni, il-Ministru ġabret kampjun tal-ilma u wettqet il-proċess ta' analiżi fil-laboratorju taħt is-superviżjoni tal-maniġer tal-laboratorju, Dr David Spiteri, u x-xjentista, Diandra Briffa.

Dawn il-kontrolli fuq il-kwalità tal-ilma huma parti minn programm usa' ta' investiment li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ is-sigurtà tal-ilma f'Malta, iżid il-kapaċità tal-produzzjoni u jnaqqas l-impatt ambjentali tal-produzzjoni tal-ilma.

F'Għar Lapsi, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed taħdem fuq faċilità ġdida tar-Reverse Osmosis b'investiment ta' €35 miljun, magħrufa bħala Plant B. Din il-faċilità ser tinkludi sitt sistemi tar-reverse osmosis b'kapaċità totali ta' produzzjoni ta' 30,000 metru kubu ta' ilma tajjeb għax-xorb kuljum. L-impjant eżistenti se jibqa' jopera b'mod sħiħ matul il-fażi kollha tal-kostruzzjoni.

Dan il-proġett huwa parti mill-Pjan Nazzjonali ta' Investiment tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li permezz tiegħu se jiġu investiti aktar minn €400 miljun fl-infrastruttura tal-ilma f'pajjiżna matul l-għaxar snin li ġejjin.

Fl-istess sit, il-Korporazzjoni lestiet ukoll installazzjoni ġdida ta' pannelli solari magħmula minn 888 pannella fotovoltajka, b'kapaċità totali ta' 515 kWp. Dan l-investiment ta' €600,000 ġie ffinanzjat permezz tal-programm tal-Green Bonds tal-Korporazzjoni u jkopri madwar 3,300 metru kwadru. L-installazzjoni mistennija tipproduċi madwar 820,000 kWh ta' enerġija nadifa kull sena, ekwivalenti għall-konsum annwali tal-elettriku ta' madwar 190 dar.

“Qegħdin niżguraw provvista sigura tal-ilma, li ma jfissirx biss li nipproduċu biżejjed ilma. Ifisser ukoll li niżguraw l-ogħla standards ta' kwalità, ninvestu fl-infrastruttura li pajjiżna se jkollu bżonn fis-snin li ġejjin u naraw li l-produzzjoni tal-ilma ssir b'mod aktar sostenibbli. Ix-xogħol li qed isir f'Għar Lapsi jgħaqqad dawn il-prijoritajiet flimkien permezz ta' proċessi rigorużi li jiżguraw il-kwalità, permezz ta' żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni u użu ta' enerġija nadifa," qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“Il-kwalità tal-ilma tiġi segwita f'kull stadju tal-operat tagħna, bl-appoġġ ta' laboratorju li jaħdem skont standards rikonoxxuti internazzjonalment. Fl-istess waqt, qed ninvestu b'mod sostanzjali biex inżidu l-kapaċità tal-produzzjoni u nnaqqsu l-użu tal-enerġija fl-infrastruttura tagħna. L-iżviluppi f'Għar Lapsi jirriflettu l-viżjoni fit-tul tal-Korporazzjoni biex tkompli tiżgura provvista tal-ilma affidabbli, ta' kwalità għolja u tkun dejjem aktar sostenibbli," qal il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia.

B'kollox, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tipproduċi madwar 30 miljun metru kubu ta' ilma fis-sena minn taħlita ta' ilma pproduċuta mill-impjanti tar-reverse osmosis u sorsi tal-ilma tal-pjan.

Ritratti: MEER

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Tiġi żgurata l-kwalità tal-ilma tax-xorb permezz ta' testijiet kontinwi akkreditati
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Tiġi żgurata l-kwalità tal-ilma tax-xorb permezz ta' testijiet kontinwi akkreditati
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Tiġi żgurata l-kwalità tal-ilma tax-xorb permezz ta' testijiet kontinwi akkreditati
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Tiġi żgurata l-kwalità tal-ilma tax-xorb permezz ta' testijiet kontinwi akkreditati
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow