Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI L-għoxrin edizzjoni ta' 'Żejt iż-Żejtun' – edizzjoni li tiċċelebra t-tradizzjoni u l-wirt Malti

PR261757
Date Icon 20/10/2026


Matul tmiem il-ġimgħa li ġej, se tkun qed tittella' l-għoxrin edizzjoni ta' 'Żejt iż-Żejtun', festa folkloristika li tiċċelebra t-tradizzjoni tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, filwaqt li tippromwovi l-wirt kulturali u l-prodotti agrikoli lokali. L-attività se ssir fiċ-ċentru taż-Żejtun is-Sibt 24 u l-Ħadd 25 ta' Ottubru, b'programm ta' attivitajiet li jgħaqqad il-folklor, il-gastronomija, l-istorja u t-tradizzjonijiet Maltin.

Id-dettalji ta' din l-edizzjoni mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli u s-Sindku taż-Żejtun Joan Agius.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza li l-Gvern ikompli jappoġġja inizjattivi li jħarsu t-tradizzjonijiet Maltin, isaħħu l-identità tal-lokalitajiet u joħolqu aktar opportunitajiet għall-komunitajiet lokali. “Bħalma għamilna fl-edizzjonijiet preċedenti, permezz tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi qed nagħtu l-appoġġ finanzjarju tagħna biex attivitajiet bħal 'Żejt iż-Żejtun' ikomplu jsiru u jkomplu jżommu ħajja t-tradizzjonijiet li sawru l-identità tagħna," qalet il-Ministru Zerafa Civelli.

Hija kompliet tgħid li dan l-appoġġ jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jaħdem flimkien mal-kunsilli lokali biex ikompli jsaħħaħ il-ħidma tagħhom favur il-komunitajiet u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali Malti.

Is-Sindku taż-Żejtun irringrazzjat lill-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi għall-appoġġ finanzjarju li qed jingħata biex tkun tista' tittella' din l-attività. Hija spjegat li l-isem Żejtun, huwa marbut mal-frott tas-siġar taż-żebbuġ, u din il-festa, organizzata mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun, għandha l-għan li tkompli tqajjem interess fil-kultivazzjoni tas-siġra taż-żebbuġ u fl-importanza taż-żejt taż-żebbuġa bħala prodott agrikolu u parti mit-tradizzjoni Maltija.

Il-programm jibda s-Sibt 24 ta' Ottubru fis-7.30pm bil-ħruġ tad-defilé tal-Granmastru, akkumpanjat minn tnabar, daqqaqa, żeffiena u raħħala jġorru ż-żebbuġ lejn iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali ta' Santa Katarina V.M., fejn isir it-tberik tal-qfief biż-żebbuġ.

Matul is-serata se jkun hemm preżentazzjoni dwar il-varjetajiet tas-siġra taż-żebbuġ, dimostrazzjoni tal-għasir u dewqan taż-żejt frisk mal-ftajjar. Se jinbiegħu wkoll prodotti tradizzjonali Maltin.

Matul din l-attività, il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità jżur diversi siti storiċi u kulturali fiż-Żejtun. Fil-Knisja Parrokkjali ta' Santa Katarina Verġni u Martri, fl-Oratorju, fil-Karnirja u fis-Sala Parrokkjali, se jkun esebit il-kwadru magħruf li juri l-qtugħ ir-ras ta' Santa Katarina, li għandu konnessjoni ma' Caravaggio. Se jkunu possibbli wkoll żjarat fil-Pandora u fil-każini tal-baned taż-Żejtun, fejn se jkun hemm wirjiet relatati mal-istorja u l-identità tal-lokalità.

Il-festa tkompli l-Ħadd 25 ta' Ottubru mit-8.00am 'il quddiem fi Ġnien l-Għannejja Żwieten, magħruf ukoll bħala Ġnien San Girgor, bit-tberik tal-annimali. Matul din l-attività se jkun hemm ukoll kant folkloristiku, logħob tradizzjonali għat-tfal u diversi stands.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI L-għoxrin edizzjoni ta' 'Żejt iż-Żejtun' – edizzjoni li tiċċelebra t-tradizzjoni u l-wirt Malti
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI L-għoxrin edizzjoni ta' 'Żejt iż-Żejtun' – edizzjoni li tiċċelebra t-tradizzjoni u l-wirt Malti
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI L-għoxrin edizzjoni ta' 'Żejt iż-Żejtun' – edizzjoni li tiċċelebra t-tradizzjoni u l-wirt Malti
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow