Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Rapport mill-Awditur Ġenerali fuq korpi maħtura mill-Gvern

pr261751
Date Icon 19/10/2026

L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, illum ippreżenta dan ir-Rapport lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela. Ir-Rapport mill-Awditur Ġenerali dwar il-korpi maħtura mill-Gvern jikkonsolida l-analiżi estensiva mwettqa fil-Ministeri kollha, li tkopri bordijiet, kumitati, kummissjonijiet, kunsilli, tribunali u entitajiet simili oħra fis-settur pubbliku. Bħala parti minn din il-verifika, inġabret u ġiet analizzata dejta dwar 462 korp maħtur mill-Gvern, li flimkien jinkludu 3,901 membru.

Matul il-verifika saret referenza għall-Manwal għall-kategorizzazzjoni, klassifikazzjoni u l-istruttura tar-rimunerazzjoni għal Bordijiet u Kumitati maħtura mill-Gvern, effettiv mill-1 ta' Jannar 2017. Dan il-Manwal kien primarjament maħsub biex jirregola r-rimunerazzjoni tal-membri taħt struttura waħda, kif ukoll biex jintroduċi proċedura għall-assessjar u l-approvazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Manwal kien jirrikjedi li jiġu pprovduti ġustifikazzjonijiet biex ikunu jistgħu jiġu mwaqqfa korpi ġodda maħtura mill-Gvern, bil-għan li jiġi żgurat li l-fondi pubbliċi jiġu utilizzati b'mod effiċjenti.

Fost oħrajn, din il-verifika kellha l-għan li tevalwa l-konformità mal-kriterji applikabbli stipulati fil-Manwal. Dan kien jinkludi verifika ta' jekk il-kategorizzazzjoni u l-klassifikazzjoni kinux saru skont il-Manwal, jekk kinux saru ħlasijiet mhux awtorizzati minn fondi pubbliċi, u jekk il-Ministeri kinux issottomettew id-dokumentazzjoni meħtieġa.

Wara din il-verifika, ġew indirizzati numru ta' rakkomandazzjonijiet lill-Uffiċċju tal-Kabinett, fid-dawl tar-rwol importanti li għandu fir-rigward tal-korpi maħtura mill-Gvern fis-settur pubbliku. Rakkomandazzjonijiet oħra saru lill-Ministeri rigward każijiet identifikati ta' nuqqas ta' konformità mal-kriterji stabbiliti fil-Manwal. Ir-Rapport jinkludi wkoll sommarju tar-rispons riċevut. Il-Manwal, li ġie rivedut f'Lulju 2026 u sussegwentement ġie ppreżentat lill-Kamra tad-Deputati, jirrifletti diversi rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'dan ir-Rapport, filwaqt li numru ta' Ministeri kkonfermaw l-intenzjoni tagħhom li jindirizzaw l-osservazzjonijiet identifikati.

Din il-pubblikazzjoni tista' tiġi aċċessata mis-sit uffiċjali tal-NAO nao.gov.mt jew mill-paġna tal-Facebook tal-Uffiċċju www.facebook.com/NAOMalta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Ejjew flimkien inkunu ta’ salvagwardja għall-preżent u l-futur tal-popli tagħna” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261902

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Rekord ġdid ta’ attendenza għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb b’aktar minn 43,000 viżitatur

PR261901

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Rekord...

More Press Releases Right arrow