Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR

PR261740
Date Icon 17/10/2026

Il-Gvern joħroġ sejħa għall-offerti għal ċentru tad-distribuzzjoni tal-elettriku ġdid fl-Isptar Mater Dei

Proġett li se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u jipprovdi kapaċità addizzjonali għall-espansjoni ppjanata għall-Isptar fis-snin li ġejjin

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u Enemalta plc qed joħorġu sejħa għall-offerti għall-bini ta’ ċentru tad-distribuzzjoni tal-elettriku ġdid fl-Isptar Mater Dei, biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u tiżdied il-kapaċità meħtieġa sabiex tkompli l-espansjoni tas-servizzi li dan l-isptar joffri lill-pazjenti.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Dr Ian Borg, u l-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Dr Miriam Dalli, ħabbru dan l-investiment is-Sibt filgħodu.

Iċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid, li se jinbena fuq art tal-Isptar stess, se jinkludi transformers ta’ 33/11kV u 11/0.4kV, switchgear, kif ukoll sistemi oħrajn ta’ kontroll u protezzjoni. Dan se jsaħħaħ l-infrastruttura elettrika eżistenti fl-Isptar, li tmur lura għall-2007. Il-proġett se jikkonsolida wkoll il-konnessjoni tal-Isptar mas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku nazzjonali permezz ta’ żewġ feeders addizzjonali ta’ 33kV li se jwasslu l-elettriku miċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta’ 132kV li għandha Enemalta fil-Kappara.

Il-proġett se jinkludi wkoll it-titjib tal-infrastruttura tal-provvista tal-elettriku ta’ emerġenza tal-Isptar, biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi.

Il-kapaċità addizzjonali li se joffri ċ-ċentru tad-distribuzzjoni l-ġdid se twitti t-triq għall-pjanijiet ta’ espansjoni tal-Isptar fis-snin li ġejjin, fosthom il-bini l-ġdid tad-Dipartiment tal-Immaġini Mediċi, li bħalissa jinsab f’fażi ta’ kostruzzjoni, u l-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u s-swali l-ġodda għall-kura akuta tas-saħħa mentali, li x-xogħol fuqhom beda reċentement, kif ukoll proġetti oħrajn fil-futur.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg iddeskriva dan iċ-ċentru ta’ distribuzzjoni ġdid bħala investiment essenzjali li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jseħħu diversi żviluppi kruċjali li l-Ministeru qed iwettaq fl-Isptar Mater Dei.

“Dan il-proġett se jagħti l-enerġija lill-pjanijiet tagħna biex inħejju dan l-isptar ewlieni tal-kura terzjarja f’pajjiżna għall-ħtiġijiet tal-futur, filwaqt li nilqgħu għad-domanda dejjem tikber għall-firxa wiesgħa ta’ servizzi li joffri. Flimkien ma’ titjib fit-teknoloġija, u fil-proċessi amministrattivi u tekniċi u investiment kontinwu fil-ħaddiema tal-qasam tas-saħħa, dan l-iżvilupp infrastrutturali se jgħinna noffru kura ta’ kwalità ogħla u iżjed effiċjenti lill-pazjenti tagħna,” qal Dr Borg.

Il-Ministru Miriam Dalli Saħqet li l-investiment f’infrastruttura tal-elettriku aktar b’saħħitha huwa essenzjali biex jiġi żgurat li s-servizzi kritiċi, partikolarment dawk tas-saħħa, ikunu jistgħu jibqgħu joperaw b’mod affidabbli filwaqt li jlaħħqu mad-domanda dejjem tikber.

“Provvista tal-elettriku affidabbli hija fundamentali biex ikunu jistgħu jingħataw is-servizzi essenzjali. Dan l-investiment għandu l-għan li jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-Isptar Mater Dei mil-lum, filwaqt li jiżgura li l-infrastruttura tiegħu tkompli ssostni s-servizzi u l-faċilitajiet tas-saħħa tal-futur. Qed niżguraw li l-investiment fil-kura tas-saħħa jimxi id f’id mal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija meħtieġa biex din tkun tista’ tkompli tissaħħaħ. Dan il-proġett huwa wkoll parti mill-impenn usa’ tagħna li nimmodernizzaw in-netwerk tal-elettriku ta’ Malta, inżidu l-kapaċità u r-reżiljenza tiegħu, u niżguraw li l-infrastruttura tagħna tlaħħaq mal-ħtiġijiet li qed jinbidlu ta’ pajjiżna,” qalet il-Ministru Dalli.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Ejjew flimkien inkunu ta’ salvagwardja għall-preżent u l-futur tal-popli tagħna” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261902

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Rekord ġdid ta’ attendenza għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb b’aktar minn 43,000 viżitatur

PR261901

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Rekord...

More Press Releases Right arrow