STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U L-PROĠETTI STRATEĠIĊI €15-il miljun f’assistenza lil aktar minn 50 startup li ħolqu madwar 250 impjieg ta’ kwalità
Aktar minn 50 startup ingħataw total ta' €15-il miljun f'assistenza finanzjarja biex ikabbru l-operat tagħhom. Dawn in-negozji ħolqu madwar 250 impjieg ta' kwalità, b'paga medja ta' €46,000, filwaqt li għal kull ewro investit fihom iġġeneraw erba' ewro f'ritorn ekonomiku.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri waqt is-sitt edizzjoni tal-Istartup Festival. Huwa enfasizza li dawn ir-riżultati juru l-kontribut tal-istartups lejn ekonomija msejsa fuq l-innovazzjoni, l-investiment produttiv u karrieri ta' kwalità.
Il-Ministru spjega li dawn l-intrapriżi joperaw f'oqsma bħat-teknoloġija finanzjarja u edukattiva, ix-xjenzi tal-ħajja, is-semikondutturi, il-logħob diġitali, l-esports, l-intelliġenza artifiċjali u d-deep tech.
“L-istartups huma ħafna aktar minn negozji ġodda. Huma jirrappreżentaw ideat ġodda, ambizzjonijiet ġodda u, fuq kollox, il-fiduċja li tisfida dak li diġà jeżisti biex tibni xi ħaġa aħjar. Huwa dan l-impenn li rridu nkomplu nħeġġu f'pajjiżna," qal il-Ministru Schembri.
Waqt id-diskors tiegħu l-Ministru fakkar li l-wegħda elettorali biex jittaffew l-ispejjeż tat-twaqqif ta' negozju għall-intraprendituri żgħażagħ ġiet implimentata fl-ewwel mitt jum tal-Gvern. Din il-miżura tifforma parti mill-impenn li l-intraprendituri jsibu l-appoġġ meħtieġ f'kull stadju, mill-iżvilupp ta' idea sal-espansjoni lil hinn minn xtutna.
Il-Ministru Schembri semma wkoll il-progress fis-settur tas-semikondutturi. L-ewwel grupp tal-programm ta' inkubazzjoni appoġġja 12-il kumpanija tad-disinn taċ-ċipep, li erbgħa minnhom sussegwentement irreġistraw kumpanija f'Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Malta Enterprise, George Gregory, enfasizza l-importanza li l-istartups jingħataw l-għajnuna biex jikbru internazzjonalment. Huwa rrimarka li l-Istartup Festival Malta jlaqqa' flimkien fundaturi, investituri u mexxejja tal-industrija biex l-ambizzjoni intraprenditorjali tissarraf f'valur ekonomiku dejjiemi. Bit-tisħiħ ta' dawn ir-rabtiet u bl-appoġġ xieraq, Malta Enterprise għandha l-għan li trawwem tkabbir sostenibbli u tgħin issawwar il-kapitlu li jmiss tal-ekonomija Maltija.
Other Press Releases:
PR261891en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261891