STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Ħatriet ġodda li jkomplu jsaħħu l-qasam tal-ġustizzja
Il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ħabbar il-ħatra tal-Kummissjoni għall-Ħatriet u Dixxiplina fit-Tribunali Amministrattivi, kif ukoll il-ħatra ta' Kummissarju tal-Liġijiet.
Il-Kummissjoni għall-Ħatriet u Dixxiplina fit-Tribunali Amministrattivi ġiet maħtura mill-President ta' Malta, fuq parir tal-Kabinett, skont l-Artikolu 23A tal-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva. Il-ħatra daħlet fis-seħħ fid-9 ta' Ottubru 2026.
L-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi nħatar Chairperson tal-Kummissjoni, filwaqt li Dr Joseph M Buttigieg, is-Sa Christine Schembri, is-Sur David Matrenza u Dr Tonio Portughese nħatru bħala membri.
Fl-istess waqt, il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħatar lil Dr Edward Zammit Lewis bħala Kummissarju tal-Liġijiet skont l-Att tal-2021 dwar ir-Reviżjoni tal-Liġijiet Statutorji. Il-ħatra daħlet fis-seħħ mis-16 ta' Ottubru 2026.
Il-Ministru Clifton Grima qal li dawn il-ħatriet huma parti mill-ħidma kontinwa biex jissaħħu l-istrutturi istituzzjonali fil-qasam tal-ġustizzja.
“Se nkomplu naħdmu biex niżguraw li l-istituzzjonijiet tagħna jkollhom l-istrutturi u l-persuni meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod effettiv, responsabbli u fl-aħjar interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Nawgura ħidma siewja lil dawk kollha maħtura f'dawn ir-rwoli," qal il-Ministru Grima.
Il-Ministeru jawgura ħidma fejjieda lill-membri tal-Kummissjoni kif ukoll lil Dr Edward Zammit Lewis fil-qadi tar-responsabbiltajiet tagħhom.
Other Press Releases:
PR261891en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...
PR261891