STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Inkomplu nibnu postijiet tax-xogħol aktar siguri u inklussivi permezz tad-djalogu soċjali – Seminar mid-DIER fix-xahar dedikat lin-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà.
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti, indirizza s-seminar organizzat mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER), bit-tema Safe and Dignified Workplaces for Women, fejn ġiet enfasizzata l-importanza li Malta tkompli tibni suq tax-xogħol aktar sigur, ġust u dinjituż, fejn kull persuna, irrispettivament mill-ġeneru tagħha, ikollha l-opportunità li taħdem, tavvanza fil-karriera, u tilħaq il-potenzjal tagħha f'ambjent ħieles mid-diskriminazzjoni, il-fastidju u l-vittimizzazzjoni.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti laqa' din l-inizjattiva mid-DIER u qal li dan il-Gvern dejjem ħadem b'mod konsistenti biex pajjiżna jkompli jsaħħaħ il-qafas tiegħu favur l-ugwaljanza u l-protezzjoni fuq il-post tax-xogħol u li saret ħidma fuq diversi liġijiet u miżuri, fosthom l-Equality for Men and Women Act, li jipprovdi pedamenti importanti biex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema u biex tkun rispettata d-dinjità tagħhom.
“Irridu jkollna suq tax-xogħol fejn kull mara tkun taf id-drittijiet tagħha, tkun taf fejn tista' tirrikorri, u tkun assigurata li jekk se titkellem, leħinha ser jinstema'. Għaldaqstant, dan is-seminar m'għandux ikun biss spazju fejn nitkellmu dwar il-qafas legali u r-realtajiet, iżda rridu li din tkun opportunità u pass ieħor lejn aktar għarfien, responsabbiltà, fuq kollox f'azzjonijiet konkreti," tenna l-Ministru.
Diane Vella Muscat, id-Direttur Ġenerali tad-DIER qalet li “Dan il-jum dedikat lid-dinjità u s-sigurtà tan-nisa fuq il-post tax-xogħol ġie kkommemorat sabiex niftakru fl-avvanzi li saru kif ukoll l isfidi li jkollna sabiex tinħoloq diskussjoni bil-għan li nkomplu noħolqu ambjenti ta' xogħol rispettużi u ta' dinjità."
Preżenti wkoll kien hemm rappreżentanti mill-GWU, l-Università ta' Malta, l-NCPE, il-Victim Support Agency, FORUM, Malta Employers' Association, Malta Chamber u n-National Council of Women.
Is-seminar serva bħala spazju ta' diskussjoni, u kompla jsaħħaħ l-għarfien dwar l-importanza ta' postijiet tax-xogħol siguri, ġusti u inklussivi, filwaqt li ħeġġeġ aktar kollaborazzjoni u azzjoni konkreta bejn l-imsieħba kollha.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901