STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker jiltaqa’ mal-Friends of the National Archives u mal-General Workers’ Union
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela kellu laqgħat separati ma' rappreżentanti tal-Friends of the National Archives u tal-General Workers' Union (GWU), li matulhom ġew diskussi l-ħarsien tal-wirt storiku ta' Malta u l-kundizzjonijiet u l-benesseri tal-ħaddiema.
Fil-laqgħa mal-Friends of the National Archives, l-Ispeaker irrikonoxxa l-ħidma tal-għaqda biex tqajjem aktar għarfien dwar id-dokumenti storiċi miżmuma fl-Arkivju Nazzjonali. Huwa saħaq fuq l-importanza tagħhom għall-identità nazzjonali u għall-għarfien tal-iżvilupp kostituzzjonali, demokratiku u parlamentari ta' Malta. Enfasizza wkoll il-valur tal-kollaborazzjoni bejn il-Parlament u l-Arkivju Nazzjonali biex il-memorja storika titħares u tkun aktar aċċessibbli għall-pubbliku u għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Fil-laqgħa mal-GWU, ġie enfasizzat l-irwol importanti tal-unjin fil-ħarsien tal-interessi tal-ħaddiema Maltin u barranin, fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u fiż-żamma tal-paċi industrijali. Issemma wkoll il-ftehim kollettiv għall-perjodu 2025–2030, li wassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Parlament.
Ingħatat attenzjoni partikolari lis-saħħa mentali u lill-benesseri tal-ħaddiema, kif ukoll lill-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. L-Ispeaker u r-rappreżentanti tal-GWU qablu dwar il-ħtieġa li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati b'aktar serjetà.
L-Ispeaker saħaq ukoll fuq ir-rispett reċiproku fid-dibattitu parlamentari u fuq l-importanza li l-Parlament ikun eqreb lejn in-nies, permezz tal-midja soċjali u ta' laqgħat ma' komunitajiet, skejjel u istituzzjonijiet.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901