Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Xogħlijiet b’sengħa fil-ġebla Maltija bla ebda impatt fuq it-traffiku fiż-żona

PR261678
Date Icon 09/10/2026

Infrastructure Malta qrib li tlesti l-ewwel fażi tar-restawr tal-ħitan ta' sostenn tal-mini ta' Santa Venera

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol, Jonathan Attard flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta, Steve Ellul, żaru s-sit fejn Infrastructure Malta tinsab fl-aħħar stadji tal-ewwel fażi ta' proġett ta' restawr fuq il-ħitan ta' sostenn tal-mini ta' Santa Venera b'investiment ta' madwar €1 miljun, li nbnew lejn l-aħħar tas-snin tmenin bħala parti mill-proġett oriġinali tal-mini.

“Żorna x-xogħlijiet li qed isiru f'din l-ewwel fażi ta' xogħlijiet li qegħdin isiru minn Infrastructure Malta fuq restawr ta' ħajt li jagħti għall-mini ta' Santa Venera, ħitan li kienu parti mill-istess proġett u li kellhom bżonn intervent kemm mill-aspett ta' sigurtà imma wkoll mill-aspett ta' inkonvenjenti li jistgħu joħolqu jekk kemm-il darba jkun hemm deterjorazzjoni ulterjuri tagħhom," sostna l-Ministru Attard.

Ix-xogħlijiet qed isiru fuq medda infrastrutturali importanti li tgħaqqad Triq is-Sebħ mal-mini ta' Santa Venera fid-direzzjoni lejn it-Tramuntana. Wara kważi erba' deċennji esposti għall-elementi u għall-infiltrazzjoni tal-ilma, il-ġebel ta' dawn il-ħitan iddeterjora b'mod konsiderevoli, u għalhekk kien meħtieġ intervent speċjalizzat biex tiġi mħarsa l-integrità tal-istruttura fit-tul.

Minflok ma jitwaqqa' l-ħajt u jinbena mill-ġdid, Infrastructure Malta qed twettaq xogħlijiet speċjalizzati ta' restawr biex tippreserva l-istruttura eżistenti u ssaħħaħ il-kundizzjoni tagħha. It-timijiet tekniċi qed jintervjenu fuq il-blokok tal-ġebla tal-franka li ddeterjoraw, jużaw metodi speċjalizzati għat-tisħiħ tal-ġebel u japplikaw trattamenti biex titnaqqas l-infiltrazzjoni tal-ilma u jiġi limitat ir-riskju ta' deterjorament fil-futur.

Il-Ministru Attard irrikonoxxa wkoll il-fatt li din il-ħidma speċjalizzata qiegħda ssir minn ħaddiema Maltin taħt is-superviżjoni ta' perit.

“Nirringrazzja wkoll lill-bdiewa li kkoperaw biex din il-ħidma tkun tista' tiżvolġi b'tali mod li l-materjal ikun jista' jiġi ppreparat min-naħa ta' fuq mingħajr ma tnaqqas spazju mit-toroq ta' taħt l-istess ħitan," temm jgħid il-Ministru.

Min-naħa tiegħu l-perit David Vassallo qal li nħass il-bżonn ta' intervent sostanzjali ta' manutenzjoni fuq dawn il-ħitan biex wieħed dejjem jissalvagwardja t-toroq arterjali u distributorji. “Fl-aħħar xhur konna għaddejjin b'dan il-proġett estensiv f'fażijiet differenti fejn qegħdin naħdmu billi jittella' scaffolding u jsir l-intervent parti parti. Dan ix-xogħol kollu qiegħed isir mingħajr ebda effett fuq it-traffiku," spjega Vassallo.

Huwa qal ukoll li x-xogħol li qed isir jinvolvi xogħol partikolari ħafna fejn il-ġebel kollu li għandu l-ħsara qiegħed jinbidel ma' ġebel ġdid li jinħadem apposta mill-ħaddiema tal-kuntrattur. “Ix-xogħol qiegħed isir b'galbu partikolari biex ma jkun hemm l-ebda periklu, kemm għall-ħaddiema u kif ukoll għal dawk li jużaw it-toroq taħt il-proġett," qal il-perit.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta Steve Ellul, il-Perit Janice Borg u l-Kap tat-taqsima tal-manutenzjoni Roderick Caruana.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Xogħlijiet b’sengħa fil-ġebla Maltija bla ebda impatt fuq it-traffiku fiż-żona
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Xogħlijiet b’sengħa fil-ġebla Maltija bla ebda impatt fuq it-traffiku fiż-żona
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow