Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’Għar Lapsi

PR261610
Date Icon 02/10/2026

Ix-xogħlijiet ta' riġenerazzjoni u tisħiħ taż-żona ta' Għar Lapsi qed jimxu 'l quddiem, b'diversi interventi diġà mwettqa mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u xogħlijiet oħra għaddejjin mill-kuntrattur biex tiġi rrestawrata u modifikata għall-aħjar l-infrastruttura li ġarrbet ħsarat estensivi kawża tal-maltempata Harry. Dan filwaqt li qed jittieħdu il-miżuri kollha biex tissaħħaħ il-protezzjoni kostali f'dawn l-inħawi.

Dan tħabbar waqt żjara li l-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli għamlet f'Għar Lapsi, bħala parti mill-kampanja '100 jum bis-saħħa tiegħek', fejn ġiet spjegata l-ħidma li saret sa issa u l-interventi li għadhom għaddejjin u li huma ppjanati għal din iż-żona.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan l-intervent huwa parti mill-impenn tal-Gvern li jwettaq il-wegħdiet tiegħu, hekk kif ir-riġenerazzjoni ta' Għar Lapsi kienet inkluża fil-manifest elettorali tal-Gvern. Hija saħqet li l-ħidma qed issir biex, minbarra li jiġu indirizzati l-ħsarat ikkawżati mill-maltempata, iż-żona tingħata infrastruttura aktar sigura, aċċessibbli u reżiljenti. “Din hija wegħda li għamilna lill-poplu u li qed inwettqu. Qegħdin ninvestu f'Għar Lapsi biex nirrestawraw dak li ġarrab il-ħsara, intejbu l-aċċess għall-pubbliku u nsaħħu l-protezzjoni taż-żona, b'ħidma konkreta li twassal għal infrastruttura aktar sigura u reżiljenti għall-futur," qalet il-Ministru Zerafa Civelli.

Min-naħa tiegħu l-Perit tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi Mario Ellul spjega li l-ħaddiema tad-Dipartiment qed ikollhom rwol ċentrali fir-restawr u l-bini mill-ġdid tal-infrastruttura f'Għar Lapsi, b'ħidma diretta fuq il-post biex jiġu indirizzati l-ħsarat li kkawżat il-maltempata Harry. Permezz tax-xogħol tagħhom, il-ħaddiema ffurmaw mill-ġdid ir-rampa li tagħti għall-Bajja ta' Għar Lapsi u bnew mill-ġdid il-pjattaforma tal-konkos permezz ta' blokok prefabbrikati, filwaqt li wettqu wkoll ix-xogħol meħtieġ biex jitlesta s-slipway.

Huwa spjega li l-ħidma tal-ħaddiema tad-Dipartiment se tkompli fil-ġimgħat li ġejjin, b'interventi oħra mmirati biex jerġa' jissaħħaħ l-aċċess għall-bajja. Fost dawn hemm it-tkomplija tat-tneħħija tal-blat sabiex jieħu l-forma u jitlesta l-passaġġ, il-kostruzzjoni tal-jetty li se jipprovdi aċċess għall-għawwiema, kif ukoll it-tfassil u l-bini ta' taraġ ġdid.

Min-naħa tal-kuntrattur, il-ħidma qed tiffoka fuq it-tisħiħ tal-istrutturi u l-protezzjoni taż-żona mill-elementi tal-baħar. Bħalissa qed jitkompla x-xogħol fuq il-pedamenti tal-ħajt ta' protezzjoni, b'din il-parti tax-xogħol diġà fi stadju avvanzat u qed tkompli lejn in-naħa ta' isfel tar-rampa.

Bħala parti minn dan l-intervent, sar ukoll xogħol minn fuq il-baħar permezz ta' faċilitajiet u makkinarju minn fuq braken sabiex jiġi rilokat il-blat kbir li kien iċċaqlaq kawża tal-maltempata. Dan il-blat qed jiġi spustjat biex fl-istess waqt jintuża bħala ilqugħ fuq in-naħa ta' barra tal-ħajt. B'hekk ikun qed jifforma barriera naturali u addizzjonali kontra l-mewġ u l-elementi tal-baħar, filwaqt li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-infrastruttura.

Għaddejjin ukoll xogħlijiet biex jitwasslu u jingħataw is-servizzi li kienu ġarrbu ħsarat waqt il-maltempata. Qed jiġu mgħoddija diversi mains kemm tad-dawl kif ukoll tal-ilma, li jwasslu għad-diversi binjiet u strutturi tal-inħawi.

Fil-fażi tax-xogħol li jmiss, il-ħidma se tiffoka fuq it-tlestija tal-pedamenti fil-parti ta' isfel tar-rampa, kif ukoll il-kostruzzjoni tal-ħajt u tal-moll.  Jibqa' wkoll għaddej b'ritmu it-tqegħid tal-ġebel u blat, li se jkun qed jipproteġi il-kosta ta' din iż-żona.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow