Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Pagament ta’ kważi €5.5 miljun lil ġenituri li jaħdmu u ġenituri ta’ tfal b’diżabilità – kważi €130 miljun f’benefiċċji soċjali se jkunu marru fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin fl-2026

PR261608
Date Icon 02/10/2026

Fi tmiem din il-ġimgħa qed isir  pagament ieħor lil ġenituri-ħaddiema bi tfal taħt it-23 sena u kif ukoll lil ġenituri li ma jaħdmux biex jieħdu ħsieb wild b'diżabilità severa.  B'kollox, ftit aktar minn 24,000 familja ser jitħallsu kważi €5.5 miljun.  Dawn il-pagamenti jkopru l-perjodu ta' bejn Lulju u Settembru.

Madwar 23,400 ġenituri-ħaddiema bi tfal taħt it-23 sena ser jirċievu t-tielet pagament tagħhom tal-In-Work Benefit għal din is-sena, li b'kollox ilaħħaq aktar minn €4.5 miljun.  B'hekk il-ħlasijiet tagħhom għal din is-sena issa laħqu madwar €13.3 miljun u sal-aħħar tas-sena se jqarrbu t-€18-il miljun.

Ir-rati kollha tal-benefiċċju din is-sena żdiedu b'€75 għal kull wild, bl-ogħla rati għal kull wild jiżdiedu għal €1,627 għal koppji t-tnejn jaħdmu u ġenituri singoli u €856 għal koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem.  Jekk it-tieni ġenitur jibda jaħdem, ir-rata tiżdied.

Din kienet is-sitt żieda fil-benefiċċju minn meta daħħal fis-seħħ fl-2015.  L-għadd ta' benefiċċjarji wkoll żdied sew meta l-ħlasijiet bdew isiru mingħajr il-ħtieġa li ssir applikazzjoni.

Fil-kalkolu tar-rati d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jikkunsidra l-qligħ nett u allura ma jieħux inkonsiderazzjoni il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kif ukoll l-ammont ta' taxxa fuq id-dħul li jkun tħallas mill-ġenituri.

Intant, madwar 650 ġenitur ieħor li ma jaħdmux biex jieħdu kura ta' wild b'diżabilità severa wkoll ser jirċievu l-pagament tagħhom tal-Carer's Grant għal perjodu ta' bejn Lulju u Settembru.  Bil-ħlas li ser isir,  li jlaħħaq għal ftit anqas minn €860,000, din is-sena se jkunu rċevew total ta' madwar €2.5 miljun u sal-aħħar tas-sena kważi €3.4 miljun.

L-ammont annwali ta' din l-għotja huwa ta' €5,369, li huwa daqs nofs il-paga minima nazzjonali netta.  Għaldaqstant dawn il-familji fi tmiem din il-ġimgħa qed jirċievu €1,342.25.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon saħaq li lejliet Budget ieħor li se jkun qed jerġa' jagħti mingħajr ma jieħu u se jkun qed ikompli jipproteġi lill-familji u lin-negozji, il-Gvern jibqa' spalla ta' għajnuna għall-familji Maltin u Għawdxin.

Huwa sostna li fuq dawn iż-żewġ benefiċċji biss, matul l-2026 il-Gvern se jkun investa aktar minn €21 miljun f'dawn il-familji.  Dawn minbarra €107 miljun oħra investiti fuq Children's Allowance, Allowance Supplimentari u benefiċċji oħra għat-tfal għal total ta' kważi €130 miljun.  Dan minbarra wkoll it-tnaqqis sostanzjali fit-taxxa għall-ġenituri bit-tfal.

Il-Ministru Falzon temm jgħid li l-Gvern se jibqa' spalla u tarka għaċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin u dan se jkompli jurih fil-Budget 2027 li se jitħabbar fis-26 t'Ottubru li ġej.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow