Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 8,000 student fl-MCAST. Iċċelebrat il-ftuħ tas-sena akkademika

pr261605
Date Icon 01/10/2026

L-MCAST timmarka 25 sena ta' edukazzjoni vokazzjonali u professjonali

L-MCAST fetħet sena akkademika ġdida f'sena partikolari għall-Kulleġġ, hekk kif qed tfakkar il-25 sena mit-twaqqif tagħha. Iċ-ċerimonja tal-ftuħ, bit-tema Gratitudni filwaqt li Nħarsu 'l Quddiem, laqqgħet flimkien studenti, edukaturi, ħaddiema u alumni fil-Kampus Ewlieni tal-MCAST f'Raħal Ġdid.    

Minn meta twaqqfet fl-2001, l-MCAST kompliet tikber u llum hija l-istituzzjoni ewlenija f'Malta għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u professjonali, bi programmi li jwasslu miċ-ċertifikat sad-dottorat.  

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, li indirizza ċ-ċerimonja, qal li dan l-anniversarju huwa opportunità biex jiġi ċċelebrat dak li nkiseb f'dawn il-25 sena, iżda fuq kollox biex wieħed iħares lejn il-ġenerazzjoni ta' studenti li se tkompli tikteb il-kapitlu li jmiss tal-MCAST.

“Kunu kburin bl-għażla vokazzjonali li għamiltu. Mhijiex għażla inqas minn kwalunkwe triq edukattiva oħra. Pajjiżna għandu bżonn il-ħiliet, it-talenti u l-professjonijiet li intom qed tippreparaw għalihom. Hawnhekk għandkom post fejn mhux biss titgħallmu sengħa jew professjoni, iżda fejn tistgħu tikbru, tiskopru fiex intom tajbin u tibnu l-futur tagħkom. Intkom l-istudenti, aħtfu l-opportunitajiet li se ssibu quddiemkom, emmnu fil-kapaċitajiet tagħkom u tibżgħux tippruvaw. L-għażla li għamiltu llum tista' twassalkom ħafna aktar 'il bogħod milli taħsbu," qal il-Ministru Camilleri. 

Huwa appella wkoll lill-MCAST sabiex f'kull deċiżjoni li tieħu tiftakar l-għan għalfejn twaqqfet u teżisti l-MCAST.

Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Stephen Vella rrifletta fuq il-vjaġġ tal-Kulleġġ tul dawn l-aħħar 25 sena u fuq l-esperjenza li l-MCAST irid ikompli joffri lill-istudenti tiegħu.

“Din is-sena għandha tifsira partikolari għalina. Fit-28 ta' Settembru 2001, l-MCAST laqa' l-ewwel grupp ta' studenti tiegħu u minn dakinhar eluf ta' studenti, letturi, ħaddiema, riċerkaturi u professjonisti għaddew minn dan il-Kulleġġ u taw il-kontribut tagħhom għal dak li hu l-MCAST illum. Iżda Kulleġġ tajjeb ma jitkejjilx biss bin-numru ta' gradwati, bil-proġetti li jwettaq jew bil-binjiet li jinawgura. Jitkejjel ukoll mill-esperjenza li nagħtu lil kull persuna li tidħol minn dawn il-bibien – jekk tħossx li għandha post hawn, jekk leħinha jinstemax u jekk tingħatax l-opportunità li tikber. Wara 25 sena għandna ħafna għalxiex inkunu grati, iżda l-aħjar mod kif nonoraw dak li nbena qabilna huwa billi nħarsu 'l quddiem b'determinazzjoni, filwaqt li nżommu dejjem il-persuna fiċ-ċentru ta' dak kollu li nagħmlu," qal Vella.

Il-Ministru Camilleri sostna li l-edukazzjoni vokazzjonali għandha rwol importanti fit-tħejjija taż-żgħażagħ għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel, iżda wkoll fl-iżvilupp tagħhom bħala persuni. Huwa qal li l-edukazzjoni ma tieqafx maċ-ċertifikat, iżda għandha tibni wkoll il-kunfidenza, ir-reżiljenza, il-ħidma f'tim u l-kapaċità li wieħed jadatta għal realtajiet ġodda.  

Noah Camilleri, student tal-MCAST u Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Studenti MCAST, qal, “Hekk kif qed nibdew sena akkademika ġdida f'sena li fiha l-MCAST qed tiċċelebra l-25 anniversarju tagħha, nixtiequ nawguraw lill-istudenti kollha sena mill-aqwa. Inħeġġu lil kull student biex mhux biss jagħmel l-aħjar mill-istudji tiegħu, iżda jkun ukoll aktar attiv fil-ħajja akkademika u studenteska tal-Kulleġġ. L-esperjenza fl-MCAST tmur lil hinn minn dak li nitgħallmu fil-klassi, u għalhekk inħeġġu lill-istudenti biex jieħdu sehem, isemmgħu leħinhom u jagħmlu l-aħjar minn din l-esperjenza."

F'dawn l-aħħar snin kompla jissaħħaħ l-investiment fl-MCAST. F'April 2025 ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid b'investiment ta' aktar minn €45 miljun fil-ħaddiema u l-letturi tal-Kulleġġ, filwaqt li madwar €33 miljun ġew investiti fit-tieni fażi tal-MCAST Campus Masterplan, li tinkludi faċilitajiet ġodda u ambjent ta' tagħlim aktar modern.  

Fl-istess waqt, l-MCAST qed tkompli twessa' r-rotot disponibbli għall-istudenti. Fl-2025 twaqqaf l-Istitut tas-Snajja', li joffri tagħlim prattiku marbut direttament mad-dinja tax-xogħol, filwaqt li fl-2026 l-ewwel gradwati tal-MCAST ingħataw il-warrant ta' inġinier, tragward li kompla jsaħħaħ il-parità ta' stima bejn rotot edukattivi differenti.  

Il-ħarsa issa qed iddur lejn il-fażi li jmiss. Fil-ġimgħat li ġejjin, l-MCAST se tniedi l-Vision 2030, b'enfasi fuq l-innovazzjoni diġitali, programmi marbuta mal-ħtiġijiet tal-industrija u aktar opportunitajiet ta' tagħlim prattiku u innovattiv. Se titnieda wkoll strateġija dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, bil-għan li din it-teknoloġija tiġi integrata b'mod responsabbli u prattiku fit-tagħlim, ir-riċerka u l-operat tal-Kulleġġ.  

Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Stephen Vella u mill-President tal-Bord tal-Gvernaturi Horace Laudi. Il-programm, li poġġa l-esperjenza umana tal-MCAST fiċ-ċentru tal-25 anniversarju, inkluda wkoll il-parteċipazzjoni ta' alumni tal-Kulleġġ.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 8,000 student fl-MCAST. Iċċelebrat il-ftuħ tas-sena akkademika
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 8,000 student fl-MCAST. Iċċelebrat il-ftuħ tas-sena akkademika
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar minn 8,000 student fl-MCAST. Iċċelebrat il-ftuħ tas-sena akkademika
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow