Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Jimtela t-Tank ta’ San Pawl għall-ewwel darba hekk kif javvanza l-proġett ta’ €2.5 miljun

PR261602
Date Icon 01/10/2026

Il-proġett ta' riabilitazzjoni se jirdoppja l-kapaċità tar-riżerva tal-ilma fit-Tramuntana ta' Malta

Għall-ewwel darba wara għexieren ta' snin, l-ilma beda għaddej mit-Tank ta' San Pawl fil-Miżieb, hekk kif qed javvanza l-proġett ta' €2.5 miljun tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li permezz tiegħu t-tank se jintuża għall-ewwel darba bħala parti mis-sistema għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb fit-Tramuntana ta' Malta.

It-tank, li madwar 30 sena ilu kien jintuża bħala ġibjun, issa se jingħata funzjoni ġdida fis-sistema tal-ilma. Permezz ta' dan il-proġett, se tinħoloq rotta ġdida għad-distribuzzjoni tal-ilma li se tgħaqqad il-Ġibjun tan-Naxxar mal-Ġibjun tal-Mellieħa. Meta jitlesta, il-proġett se jirdoppja l-kapaċità tar-riżerva tal-ilma fit-Tramuntana u jagħti aktar flessibbiltà fit-tqassim tal-ilma waqt perjodi ta' domanda għolja, xogħlijiet ta' manutenzjoni jew f'każ ta' interruzzjonijiet mhux mistennija.

It-Tank ta' San Pawl jinsab fil-Miżieb u nbena fl-1914. Huwa twil madwar 62 metru, wiesa' 18-il metru u għoli 8.5 metri. Il-biċċa l-kbira tiegħu nbniet taħt l-art, filwaqt li madwar għaxra fil-mija biss tal-istruttura tinsab 'il fuq mil-livell tal-art.

Bis-sistema l-ġdida, l-ilma se jgħaddi mill-Ġibjun tan-Naxxar tul Kennedy Drive, il-bypass ta' Xemxija u Triq Għajn Tuffieħa lejn l-Imbordin. Minn hemm, se jgħaddi fit-Tank ta' San Pawl qabel jiġi trasferit lejn il-Ġibjun tal-Mellieħa.

Il-Ministru Miriam Dalli żaret ix-xogħlijiet li għaddejjin flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia. Matul iż-żjara, il-Ministru fetħet il-valv li ppermetta l-ilma jgħaddi mit-Tank ta' San Pawl għall-ewwel darba.

Ix-xogħlijiet fuq il-proġett jinkludu r-riabilitazzjoni tat-tank u tal-inħawi tal-madwar, it-tneħħija ta' strutturi li kienu fi stat ħażin, kif ukoll xogħlijiet ta' skavar li saru taħt monitoraġġ arkeoloġiku kontinwu.

Qed jinbena wkoll stazzjon ġdid tal-ippumpjar b'erba' pompi, flimkien ma' kamra għad-distribution board u substation elettrika. Il-proġett jinkludi wkoll culverts ġodda għall-pajpijiet u s-servizzi elettriċi, l-installazzjoni tas-sistema tal-ippumpjar u l-infrastruttura tal-elettriku, kif ukoll titjib fil-pajp ta' bejn it-tank u l-kamra tal-pompi.

Barra minn hekk, qed jiġu installati pajpijiet ġodda li se jgħaqqdu l-junction ta' Għajn Tuffieħa, l-Imbordin, it-Tank ta' San Pawl u l-Ġibjun tal-Mellieħa.

“Dan il-proġett qed jagħti ħajja ġdida lil ġibjun li nbena aktar minn seklu ilu u qed jerġa' jpoġġih għas-servizz tal-familji u n-negozji fit-Tramuntana," qalet il-Ministru Dalli. “Il-fatt li l-ilma beda jgħaddi mit-tank għall-ewwel darba huwa pass importanti f'dan il-proġett. Meta jitlesta, il-kapaċità tar-riżerva tal-ilma fir-reġjun se tirdoppja, u b'hekk tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tas-sistema matul perjodi ta' domanda għolja."

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia qal li t-timijiet tekniċi tal-Korporazzjoni wettqu l-proġett internament, mid-disinn sal-implimentazzjoni.

“Ir-riabilitazzjoni ta' dan il-ġibjun storiku, flimkien mal-istazzjon il-ġdid tal-ippumpjar u l-pajpijiet ġodda, se tagħtina aktar flessibbiltà u reżiljenza fil-mod kif nużaw l-ilma fit-Tramuntana. Dan se jgħinna wkoll inżommu l-provvista tal-ilma fil-lokalitajiet tat-Tramuntana waqt xogħlijiet ta' manutenzjoni ppjanati jew f'każ ta' interruzzjonijiet mhux mistennija," qal is-Sur Cilia.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Jimtela t-Tank ta’ San Pawl għall-ewwel darba hekk kif javvanza l-proġett ta’ €2.5 miljun
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Jimtela t-Tank ta’ San Pawl għall-ewwel darba hekk kif javvanza l-proġett ta’ €2.5 miljun
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Jimtela t-Tank ta’ San Pawl għall-ewwel darba hekk kif javvanza l-proġett ta’ €2.5 miljun
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Ejjew flimkien inkunu ta’ salvagwardja għall-preżent u l-futur tal-popli tagħna” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261902

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI  Rekord ġdid ta’ attendenza għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb b’aktar minn 43,000 viżitatur

PR261901

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Rekord...

More Press Releases Right arrow