STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jitnieda l-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026: Jitħabbru żewġ kategoriji ġodda b’total ta’ 12-il kategorija
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti ħabbar id-dettalji tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026, li se ssir nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta, l-E.T. Myriam Spiteri Debono.
Din l-inizjattiva kompliet tikber u tissaħħaħ matul is-snin, u saret appuntament nazzjonali li jirrikonoxxi l-bżulija, id-dedikazzjoni u l-kontribut tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Din is-sena l-Premju se jinkludi 12-il kategorija, fosthom żewġ kategoriji ġodda ddedikati lill-organizzazzjonijiet u lill-ħaddiema li permezz tad-diġitalizzazzjoni kkontribwixxew għal titjib fil-produttività. Dawn jirriflettu l-bidliet fid-dinja tax-xogħol u l-importanza dejjem tikber tal-innovazzjoni u t-teknoloġija.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal li “Dan il-premju huwa ta’ opportunità biex bħala pajjiż nieqfu nirriflettu u nirrikonoxxu lil dawk li, ta’ kuljum jagħtu sehemhom fil-post tax-xogħol. Wara kull suċċess ekonomiku, kull servizz, u kull organizzazzjoni li tagħmel differenza, hemm il-ħaddiem, it-timijiet, il-mexxejja, u l-imprendituri, li ta’ kuljum jagħtu s-sehem tagħhom għall-iżvilupp ta’ pajjiżna. Suq tax-xogħol b’saħħtu ma jitkejjilx biss mill-għadd ta’ impjiegi jew mir-riżultati ekonomiċi, iżda wkoll mill-kwalità tal-postijiet tax-xogħol, mir-rispett lejn il-ħaddiema, u mill-opportunitajiet li noħolqu sabiex kull persuna tkun tista’ tagħti l-aħjar tagħha.”
Il-Ministru Azzopardi Tanti temm jgħid li l-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena mhuwiex biss ċerimonja ta’ premjazzjoni, imma huwa mod ta’ kif nuru apprezzament u nirringrazzjaw lil dawk li jagħmlu x-xogħol bl-akbar dedikazzjoni.
Iċ-Chairperson tal-Bord, Angela Agius qalet li dan il-Premju kompla jikber fl-importanza tiegħu, u jħaddan realtajiet differenti fid-dinja tax-xogħol. Hija appellat lill-pubbliku sabiex jinnomina ħaddiema differenti, li bil-ħidma tagħhom għamlu differenza konkreta fuq il-post tax-xogħol.
In-nominazzjonijiet huwa miftuħa sa nhar is-Sibt 31 ta’ Ottubru, u kulħadd huwa mistieden jinnomina lil xi ħadd li jaħseb ħaqqu jiġi rikonoxxut f’din is-serata permezz tas-sit premjuhaddiem.gov.mt. Wara l-għeluq tal-applikazzjonijiet, bord magħmul minn membri indipendenti jevalwa n-nominazzjonijiet u jagħżel ir-rebbieħa ta’ kull kategorija, li jitħabbru dakinhar taċ-ċerimonja.
Other Press Releases:
PR261902
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Ejjew flimkien inkunu ta’ salva...
PR261901