Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Għajnuna finanzjarja u assistenza legali għal żgħażagħ li jwaqqfu l-ewwel kumpanija start-up tagħhom

PR261474
Date Icon 11/09/2026

Żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena li jkunu qed jidħlu għall-ewwel darba fid-dinja tan-negozju se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja għall-miżati relatati mat-twaqqif u ż-żamma tal-kumpanija, kif ukoll minn rifużjoni tal-ispejjeż legali marbuta mal-inkorporazzjoni tagħha.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija, Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri fejn spjega li l-inizjattiva implimentata mill-Malta Business Registry (MBR) u Malta Enterprise, hija wegħda elettorali tal-Gvern li qed tiġi mwettqa. Permezz ta’ din l-inizjattiva l-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ u jnaqqas l-ostakli li jistgħu jżommu żgħażagħ milli jwettqu l-ideat u l-proġetti kummerċjali tagħhom.

“Hemm entużjażmu b’saħħtu fost iż-żgħażagħ, li bħala Gvern kommessi li nagħtu l-għodod meħtieġa biex nibnu ekosistema b’saħħitha. Bdejna b’Intrapriża 16 u qed inkomplu b’din l-inizjattiva ta’ assistenza finanzjarja. Lil hinn minn dan, fiċ-ċentru ta’ kollox hemm l-edukazzjoni u għalhekk dawn iż-żgħażagħ se jkunu qed jattendu għal lezzjonijiet biex jifhmu r-responsabbiltà u dak li jġib miegħu tħaddim u operat ta’ negozju” qal il-Ministru Schembri.

Il-mekkaniżmu ta’ għajnuna se jkun ibbażat fuq sistema ta’ rifużjoni amministrata b’mod konġunt mill-MBR u Malta Enterprise. Il-kumpanija tħallas il-miżati dovuti lill-MBR u mbagħad tkun tista’ tapplika ma’ Malta Enterprise għar-rifużjoni fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni tal-inkorporazzjoni jew tar-ritorn annwali.

Min-naħa tal-MBR saru l-aġġustamenti meħtieġa sabiex kumpaniji ta’ dawn it-tip ikunu kklassifikati bħala Start-Up Youths. Dan jagħmilha aktar faċli sabiex kumpanija start-up tkun tista’ tapplika għal rifużjoni mingħand Malta Enterprise fl-ewwel 6 xhur, li se tkopri l-ispejjeż ta’ miżati marbuta mal-inkorporazzjoni u tad-dħul annwali għal 5 snin.

Barra minn dan, se tkun qed tingħata għajnuna finanzjarja li tkopri l-ispejjeż marbuta mal-assistenza legali, dawk assoċjati mat-twaqqif u l-inkorporazzjoni tal-kumpanija. Din tingħata fl-ewwel sena li tiġi mwaqqfa l-kumpanija u magħha se tingħata r-rifużjoni tal-miżata tal-inkorporazzjoni.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-MBR u Malta Enterprise qed ikomplu jsaħħu l-ekosistema ta’ appoġġ għall-intraprendituri żgħażagħ, filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż inizjali u jipprovdu għodod konkreti lil dawk li jkunu qed jieħdu l-ewwel passi tagħhom fid-dinja tan-negozju.

“Il-viżjoni tagħna hija ċara - irridu li Malta tkompli tkun id-destinazzjoni ideali għal startups u imprendituri. Billi kontinwament nirfinaw l-istrutturi ta’ appoġġ tagħna u nattiraw negozji internazzjonali, irridu nkomplu nibnu t-triq għal tkabbir ekonomiku fit-tul,” qal il-Ministru Schembri.

Intant, waqt diskussjoni bil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ il-Kapijiet Eżekuttivi tal-Malta Business Registry u l-Malta Enterprise, Dr Geraldine Spiteri Lucas u George Gregory rispettivament, sostnew l-appoġġ tagħhom tal-entitajiet lejn żgħażagħ li jixtiequ jimirħu fid-dinja tan-negozju.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Għajnuna finanzjarja u assistenza legali għal żgħażagħ li jwaqqfu l-ewwel kumpanija start-up tagħhom
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Għajnuna finanzjarja u assistenza legali għal żgħażagħ li jwaqqfu l-ewwel kumpanija start-up tagħhom
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow