Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA €27 miljun f'benefiċċji soċjali lil 62,600 familja fi tmiem il-ġimgħa

pr261468
Date Icon 11/09/2026


Hekk kif fi ftit tal-jiem oħra tibda sena skolastika ġdida, familji bit-tfal u benefiċjarji tal-għajnuna supplimentari fi tmiem il-ġimgħa ser jirċievu pagamenti li b'kollox ilaħħqu kważi €27 miljun li jkopru l-aħħar kwart ta' din is-sena. B'kollox, din is-sena, dawn il-familji rċevew aktar minn €107 miljuni f'benefiċċji tat-tfal jew Għajnuna Supplimentari.

L-akbar investiment f'dan l-aħħar kwart tas-sena li jkopri minn Ottubru sa Diċembru bil-quddiem ser ikun ta' kważi €20 miljun f'pagamenti taċ-Children's Allowance u tas-suppliment addizzjonali li ser imorru għand  42,600 familja bi 63,000 tifel u tifla.

Matul din is-sena l-pagamenti saru skont parametri ġodda li tfasslu fil-Budget li għadda biex jiġu stabbiliti r-rati tal-allowance li jitħallsu familji li d-dħul disponibbli tagħhom huwa wieħed relattivament baxx jew medju.

Bit-tibdil li sar, żdiedu r-rati li jitħallsu dawn il-familji għal kull wild taħt is-16-il sena, bl-ogħla rata tiżdied b'€417 għal €2,330 għal kull wild, li jfisser li familja b'żewġt it-tfal li tkun intitolata għall-ogħla rata, b'kollox din is-sena tħallset €4,660.

Ir-rati jvarjaw skont id-dħul tal-familji, bl-anqas ammont li familja tista' tirċievi ikun ta' kważi €1,100 fis-sena għal kull wild li jfisser li familja b'żewġt itfal bl-anqas rata din is-sena tħallset €2,200.

Dan ma jinkludux l-iffrankar ta' ammont sostanzjali ta' ewro fis-sena permezz tat-tax cuts għall-ġenituri li bdew minn din is-sena u se jissoktaw fis-sentejn li ġejjin.

Barra minn hekk, aktar minn 2,100 familja oħra bi kważi 2,800 wild li jsofru minn diżabilità fiżika jew intellettwali separatament qed jirċievu il-pagament tal-Allowance għal Tfal b'Diżabilità li wkoll ikopri l-aħħar kwart tas-sena.  B'kollox il-pagamenti jlaħħqu €1.35 miljun.

Ħlasijiet oħra ser imorru għand 160 familja li jiffosterjaw tfal f'etajiet sa 21 sena.  Għal kull tifel jew tifla fil-kustodja tagħhom din is-sena tħallsu €6,760, żieda ta' €520 fuq is-sena l-oħra.  Għaldaqstant din il-ġimgħa qed jirċievu pagament ta' 3 xhur ta' €1,690.

Dawn it-tfal issa se jkunu wkoll koperti b'Aftercare Policy sabiex meta ma jibqgħux iffosterjati għaliex ikunu saru adulti, l-istat jibqa' jsostnihom sakemm isiru għal kollox indipendenti.

Intant, 20,000 familja, koppji jew persuni singoli oħra ser jitħallsu bejniethom €5.4 miljun f'pagamenti mtejba tal-Allowance Supplimentari.  Minnhom, madwar 70 fil-mija huma persuni singoli, romol u persuni separati jew divorzjati li għandhom dħul baxx.  

Ir-rata massima li jitħallsu koppji din is-sena żdiedet għal €27.30 fi-ġimgħa, filwaqt li dik ta' persuni singoli laħqet  €14.40 fil-ġimgħa.  Ir-rati jvarjaw ukoll skont id-dħul.

L-għadd ta' benefiċjarji din is-sena kiber b'madwar 1,000 familja bis-saħħa tat-twessiegħ tal-limiti tad-dħul li sar bil-għan li aktar koppji u persuni singoli jibbenefikaw mill-benefiċċju.  Il-limitu tad-dħul nett għall-koppji tela' b'€2,000 għal €20,000, filwaqt li dak ta' persuni singoli żdied b'€1,500 għal €14,000.

Benefiċjarji fl-età ta' 65 sena u aktar minn din is-sena gawdew ukoll minn żieda ta' €100 fl-għotja annwali li titħallas separatament mal-allowance supplimentari.   L-għotja li issa tlaħħaq €250 qed tingħata liż-żewġ konjugi minflok għal wieħed jew waħda minnhom kif kien isir qabel.

Barra minn hekk, mill-bidu tas-sena dawn il-benefiċjarji ta' 65 sena jew aktar saru awtomatikament eliġibbli għal mediċini bla ħlas, mingħajr il-ħtieġa li jissodisfaw it-test tal-mezzi.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon tenna li l-Gvern jibqa' joffri l-istabbilità u s-serħan tal-moħħ lill-familji Maltin u Għawdxin. “Waqt li diversi familji madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, qed ikollhom jiffaċċjaw diffikultajiet kbar minħabba diversi fatturi, f'Malta l-familji jkomplu jirċievu sostenn qawwi dirett u indirett mill-Gvern. Dan qed isir permezz ta' diversi benefiċċji u assistenzi, u jixhed l-impenn soċjali qawwi ta' dan il-Gvern."

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow