Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR L-MCCAA tniedi servizz ġdid ImportaMT: Għodda konkreta ta’ verifika qabel l-importazzjoni favur in-negozji u l-ħarsien tal-konsumatur

pr261465
Date Icon 10/09/2026

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, flimkien maċ-Chairperson tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) Carmen Ciantar, nieda fil-Port Ħieles f’Birżebbuġa s-servizz ġdid ImportaMT. Din l-inizjattiva, li hija wegħda tal-manifest u li twettqet fl-ewwel mitt jum tal-Gvern, tagħti lill-importaturi l-possibbiltà li jivverifikaw minn qabel id-dokumentazzjoni ta’ konformità ta’ prodott, ferm qabel ma l-merkanzija tintbagħat lejn Malta.

ImportaMT huwa maħsub biex jappoġġja b’mod attiv lis-settur kummerċjali billi jgħin lill-importaturi jidentifikaw nuqqasijiet fid-dokumentazzjoni qabel il-konsenja. B’dan il-mod, jitnaqqas b’mod drastiku r-riskju li jinqalgħu problemi jew dewmien meta l-merkanzija tkun diġà waslet fil-fruntiera, jew agħar minn hekk, wara li l-prodott ikun diġà daħal fis-suq. Permezz ta’ dan is-servizz diġitali, l-importatur jissottometti talba waħda għal kull prodott b’miżata ta’ €50, fejn l-MCCAA tirrevedi d-dokumentazzjoni skont matriċi ta’ konformità li tkopri l-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-sikurezza tal-prodotti. Fi żmien massimu ta’ ħamest ijiem tax-xogħol mill-ħlas - jew għaxart ijiem meta tkun meħtieġa kjarifika - l-applikant jirċievi deċiżjoni uffiċjali ta’ 'VERIFIKAT' jew 'MHUX VERIFIKAT'.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza ta’ soluzzjonijiet prattiċi għall-intrapriżi u stqarr li, “ImportaMT huwa eżempju ta’ kif impenn jista’ jinbidel f’servizz konkret li jagħmel differenza għan-negozji u għall-konsumaturi. Billi nagħtu lill-importaturi l-possibbiltà li jidentifikaw kwistjonijiet qabel ma jibagħtu l-merkanzija, inkunu qed innaqqsu r-riskju ta’ dewmien u spejjeż bla bżonn, filwaqt li nsaħħu l-konformità u nagħmlu użu aktar effiċjenti mir-riżorsi regolatorji tagħna. Għodda bħal din hija importanti ħafna u għalhekk għamilna fiċ-ċert li tiġi varata fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura.”

Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-MCCAA, Carmen Ciantar, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għat-twettiq ta’ din l-inizjattiva u stqarret li, “Bnejna ImportaMT biex ikun servizz ċar, prattiku u trasparenti. Irridu nagħtu lin-negozji għodda li tgħinhom jagħmlu l-affarijiet sew mill-bidu nett, filwaqt li nibqgħu ċari dwar il-portata tas-servizz.” Is-Sinjura Ciantar żiedet ukoll li dan is-servizz joffri approċċ modern li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ regolamentazzjoni preventiva u effiċjenti. 

Din l-inizjattiva intlaqgħet tajjeb ukoll mill-President tal-Malta Chamber of SMEs, Paul Abela u faħħar il-fatt li permezz tagħha ser jitnaqqas il-ħin tad-dewmien biex jinħareġ il-prodott mill-Freeport ta’ Malta u awgura lill-MCCAA għall-ħidma tagħhom biex din l-inizjattiva tidħol fis-seħħ.

Min-naħa ta’ The Malta Chamber, Alistair Grima spjega, “ImportaMT huwa pass tajjeb ħafna ta’ kif nistgħu ngħinu lill-kumpaniji tagħna joperaw bl-aħjar mod, u li l-kumpaniji tagħna għandhom dejjem jingħataw l-għajnuna neċessarja biex itejbu l-livelli tagħhom.”

Dwar il-funzjonament tas-sistema, ġie spjegat li meta d-dokumentazzjoni tiġi vverifikata, id-deċiżjoni tiġi ppubblikata f’indirizz uniku fuq l-internet u tinħareġ irċevuta uffiċjali b’kodiċi QR li tkun tista’ tiġi vverifikata mid-Dwana. Ir-rikonoxximent ta’ dawn l-irċevuti mid-Dwana qed jitmexxa ’l quddiem b’mod konġunt sabiex prodotti akkumpanjati minn irċevuta valida ma jkollhomx għalfejn jiġu riferuti lura għand l-Awtorità għall-istess verifika dokumentarja, filwaqt li prodotti magħżula mid-Dwana permezz tal-valutazzjoni tar-riskju tagħha jibqgħu jiġu riveduti mill-MCCAA mingħajr ħlas addizzjonali. Fejn japplika aktar minn att leġiżlattiv wieħed tal-UE għall-istess prodott, is-servizz japplika checklist konsolidata biex il-proċess jibqa’ ssimplifikat. L-MCCAA tenfasizza li ImportaMT huwa servizz ta’ verifika dokumentarja; deċiżjoni pożittiva tikkonferma l-korrettezza tad-dokumenti sottomessi, iżda ma tikkostitwixxix ċertifikazzjoni sħiħa tal-prodott, ma teżentax il-merkanzija mis-sorveljanza tas-suq u ma tirrappreżentax garanzija awtomatika ta’ rilaxx mid-Dwana.

Il-Ministru Azzopardi Tanti temm jgħid li l-impenn tal-Gvern favur il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u s-suċċess tal-operaturi ekonomiċi jibqa’ prijorità ċentrali. Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema u l-entitajiet kollha involuti fit-twettiq ta’ din il-miżura, huwa ħeġġeġ lill-komunità tal-kummerċ biex tagħmel użu minn din il-faċilità. L-importaturi, l-aġenti doganali u l-freight forwarders jistgħu jiksbu aktar informazzjoni dwar ImportaMT, kif ukoll jissottomettu t-talbiet tagħhom, billi jżuru www.importa.mt.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR L-MCCAA tniedi servizz ġdid ImportaMT: Għodda konkreta ta’ verifika qabel l-importazzjoni favur in-negozji u l-ħarsien tal-konsumatur
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR L-MCCAA tniedi servizz ġdid ImportaMT: Għodda konkreta ta’ verifika qabel l-importazzjoni favur in-negozji u l-ħarsien tal-konsumatur
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  3,000 people attend activities organised by entities within the Ministry over the past days

PR261891en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR  3,000 persuna jattendu attivitajiet organizzati minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru fl-aħħar jiem

PR261891

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-P...

More Press Releases Right arrow