Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Investiment b’fondi Ewropej f’tagħmir tal-catering modern: Pass ieħor biex in-negozji lokali jsaħħu l-kompetittività tagħhom

pr261403
Date Icon 01/09/2026

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti żar il-kumpanija KG Catering Co. Ltd, intrapriża lokali li bbenefikat minn fondi Ewropej permezz tal-iskemi ta’ għajnuna Business Enhance ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Permezz ta’ dan il-proġett kofinanzjat, il-kumpanija ngħatat aktar minn €128,000 f’għajnuna biex tistabbilixxi brand u kunċett ġdid ta’ ristorant f’San Ġiljan, b’investiment dirett f’tagħmir professjonali u sistemi moderni ta’ refriġerazzjoni.

Il-Gvern qed ikompli juri impenn b’saħħtu biex jappoġġja lin-negozji żgħar u medji (SMEs) permezz ta’ fondi Ewropej allokati strateġikament. Fil-fatt, l-iskemi ta’ għajnuna tal-ERDF qed jirreġistraw rispons inkoraġġanti ħafna mill-applikanti, tant li l-Gvern irreġistra impenji li jaqbżu d-€39 miljun permezz ta’ aktar minn 680 Ftehim ta’ Għotja. Dawn l-iskemi joffru għajnuna konkreta f’diversi oqsma essenzjali bħax-xiri ta’ makkinarju u apparat modern, il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni, konsulenza fejn jidħol marketing, strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni, ksib ta’ ċertifikati ta’ standards, kif ukoll studji li jevalwaw ir-riskji, il-benefiċċji u l-opportunitajiet biex jgħinu lin-negozji jieħdu deċiżjonijiet importanti. Din hija għajnuna diretta biex in-negozji tagħna jsiru dejjem aktar produttivi u kompetittivi.

Fl-indirizz tiegħu waqt iż-żjara, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq ir-rwol ċentrali tal-intrapriżi lokali u stqarr li “in-negozji żgħar u medji huma l-pedament u s-sinsla tal-ekonomija f'Malta. Huma dawk li jagħtu l-ħajja lis-suq u jservu bħala sors ewlieni ta’ ħolqien ta' impjiegi. Dan kollu huwa possibbli grazzi għall-ispirtu intraprenditorjali ta’ dawk li huma lesti jieħdu riskju u jinvestu b’kuraġġ fin-negozju tagħhom u f’Malta stess. Il-fondi tal-UE huma għodda strateġika kruċjali biex dawn l-intrapriżi jkabbru l-operat tagħhom, iżidu l-produttività u jassiguraw suċċess sostenibbli u fit-tul.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, Rodrick Zerafa, qal li, “Dan il-proġett huwa eżempju konkret ta’ kif il-fondi Ewropej jistgħu jissarrfu f’investiment dirett u tanġibbli għan-negozji tagħna. Bl-assistenza ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, KG Catering Co. Ltd ibbenefikat minn aktar minn €128,000 f’fondi Ewropej sabiex tinvesti f’tagħmir professjonali għar-ristorant il-ġdid tagħha f’San Ġiljan, investiment li se jgħinha ssaħħaħ l-operat u l-kompetittività tagħha.”

Huwa kompla jgħid li, “Servizzi Ewropej f’Malta toffri assistenza bla ħlas lill-intrapriżi Maltin u Għawdxin biex jidentifikaw opportunitajiet ta’ finanzjament Ewropew li jkunu rilevanti għall-ħtiġijiet tagħhom u tiggwidahom tul il-proċess tal-applikazzjoni. L-għan tagħna huwa li aktar negozji jkunu jistgħu jisfruttaw dawn l-opportunitajiet biex jinvestu, jikbru u jsiru aktar kompetittivi.”

Giuseppe Gravina, rappreżentant ta’ KG Catering Co. Ltd esprima s-sodisfazzjon tagħhom għall-appoġġ li ngħataw permezz tal-fondi Ewropej. “Bis-saħħa tal-appoġġ finanzjarju mill-fondi Ewropej u l-assistenza ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, il-kumpanija setgħet tagħmel investiment ta’ madwar €250,000 f’tagħmir għal kċina moderna, kif ukoll f’tagħmir speċjalizzat ieħor. Dan l-investiment kien kruċjali biex inkunu nistgħu niftħu r-ristorant u nibnu l-operat tagħna fuq bażi aktar moderna u effiċjenti.”

Il-Ministru Azzopardi Tanti fakkar ukoll li l-Gvern nieda t-tieni sejħa tal-iskema ‘Digitalise your SME’ b’allokazzjoni ta’ €15-il miljun, liema sejħa qed iżżid il-limiti tal-finanzjament allokat għal proġetti ta’ Intelliġenza Artifiċjali (AI), appoġġ għall-ispejjeż tal-ħaddiema, u fokus akbar fuq l-adozzjoni responsabbli u produttiva tal-AI. Il-valur massimu tal-għotja jista’ jilħaq €235,400 għal proġetti eliġibbli, b’għajnuna sa massimu ta’ 50% għal investimenti f’Malta u 60% għal investimenti f’Għawdex. Applikazzjonijiet li jinvolvu investimenti konformi mal-Pjan Direzzjonali Strateġiku ta’ Malta għad-Deċennju Diġitali 2023–2030 - u li għalhekk jiżguraw konsistenza mal-objettivi diġitali nazzjonali u dawk tal-UE - se jirċievu żieda addizzjonali ta’ 10% mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Innovazzjoni Diġitali (MDIA), dejjem soġġett għad-disponibbiltà tal-baġit.

Il-Ministru Azzopardi Tanti temm jgħid li l-impenn tal-Gvern favur is-suċċess kontinwu tan-negozji jibqa’ wieħed sod u determinat. Filwaqt li rringrazzja lil dawk l-intrapriżi kollha li bħalissa qegħdin iwettqu l-proġetti tagħhom, huwa ħeġġeġ lin-negozji biex ikomplu jippreżentaw il-proposti tagħhom ħalli jisfruttaw dawn l-opportunitajiet ta’ finanzjament, ikabbru l-operat tagħhom u jkomplu jsaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Investiment b’fondi Ewropej f’tagħmir tal-catering modern: Pass ieħor biex in-negozji lokali jsaħħu l-kompetittività tagħhom
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Investiment b’fondi Ewropej f’tagħmir tal-catering modern: Pass ieħor biex in-negozji lokali jsaħħu l-kompetittività tagħhom
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI      Tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja b’ħatra ta’ 9 medjaturi oħra fil-Qorti tal-Familja

PR261914

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI ...

 PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives, Carmelo Abela, holds bilateral meetings with counterparts from Cyprus and Slovakia

PR261913en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Re...

More Press Releases Right arrow