STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Aktar minn 300 parteċipant minn 38 nazzjonalità differenti jiggradwaw mill-programm ta’ integrazzjoni “I Belong”
Waqt il-gradwazzjoni mill-programm nazzjonali ta’ integrazzjoni “I Belong,” organizzata mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-MCAST, ġew iċċelebrati l-kisbiet ta’ 306 parteċipanti minn 38 nazzjonalità differenti li lestew b’suċċess it-tieni stadju tal-programm.
I Belong jgħin fl-integrazzjoni billi jagħti lill-parteċipanti l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà Maltija. Permezz ta’ programm ta’ orjentament kulturali u t-tagħlim tal-lingwa, il-programm jgħin lin-nies jifhmu aħjar il-kuntest lokali. Dan jippromwovi inklużjoni, rispett reċiproku u koeżjoni soċjali bejn persuni ta’ sfondi differenti.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar ferħet lill-gradwati għall-impenn u d-determinazzjoni li wrew matul il-programm, filwaqt li enfasizzat li l-integrazzjoni mhijiex biss kwistjoni ta’ tagħlim tal-lingwa jew ta’ għarfien kulturali, iżda proċess li jippermetti lill-individwi jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà, jaċċessaw l-opportunitajiet u jħossuhom parti mill-komunità.
Il-Ministru Cutajar sostniet li l-programm I Belong huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-politika ta’ integrazzjoni ta’ Malta, peress li jgħin biex jissaħħu l-koeżjoni soċjali, il-fehim reċiproku u l-parteċipazzjoni attiva ta’ persuni minn sfondi differenti fis-soċjetà Maltija. Hija kompliet tispjega li meta l-integrazzjoni taħdem, il-benefiċċji jinħassu kemm mill-migranti kif ukoll mis-soċjetà Maltija kollha. Enfasizzat li l-integrazzjoni hija responsabbiltà kondiviża li teħtieġ il-kollaborazzjoni tal-istituzzjonijiet edukattivi, min iħaddem, is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet lokali u ċ-ċittadini kollha.
Fl-għeluq tagħha, il-Ministru Rosianne Cutajar irringrazzjat lill-ħaddiema tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-edukaturi, lill-amministraturi u lill-imsieħba fl-MCAST għall-impenn tagħhom fit-twettiq tal-programm. Awgurat lill-gradwati suċċess għall-futur tagħhom, filwaqt li sostniet li l-kontribut tagħhom se jkompli jsaħħaħ il-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Min-naħa tagħha, Christie Spiteri, Assistent Direttur fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, qalet li dan l-avveniment huwa ta’ importanza partikolari għad-Direttorat peress li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u l-koeżjoni soċjali. Hija enfasizzat li inizjattivi bħal dawn joħolqu spazju għal djalogu kostruttiv, jgħinu biex tiżdied il-kuxjenza pubblika dwar l-isfidi eżistenti u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ politika aktar inklużiva u bbażata fuq ir-rispett tad-diversità.
Waqt il-gradwazzjoni tkellmu wkoll żewġ parteċipanti tal-programm I Belong li indirizzaw lil dawk preżenti bil-lingwa Maltija.
Other Press Releases:
PR261914
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI ...
PR261913en