Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Mal-2,000 persuna diġà ngħataw taħriġ bla ħlas dwar is-saħħa u s-sigurtà

pr261400
Date Icon 01/09/2026

Aktar minn 800 oħra reġistrati għal sezzjonijiet sal-aħħar tas-sena

Fl-ewwel 100 jum tal-Gvern, aktar minn 2,000 persuna diġà ngħataw taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, b’investiment li qed iwassal għal aktar għarfien, prevenzjoni u protezzjoni fost il-ħaddiema, dawk li jaħdmu għal rashom, min iħaddem u l-voluntiera.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard waqt rendikont tal-ħidma li saret b’riżultat tal-miżuri tal-Budget 2026, li permezz tagħhom il-Gvern alloka €400,000 fuq 24 xahar biex l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) tipprovdi taħriġ bla ħlas.

Din il-miżura, li hija wkoll wegħda tal-manifest elettorali, kienet għodda importanti ta’ kif il-protezzjoni offruta fil-liġi l-ġdida verament wasslet biex tissarraf fi standards ogħla għall-ħaddiema kollha f’varji setturi, inkluż il-volontarjat.

Il-Ministru Attard saħaq li r-rispons qawwi juri kemm hemm domanda għal aktar għarfien u kompetenza dwar is-saħħa u s-sigurtà, u kemm dan is-suġġett huwa rilevanti għal kull settur tas-soċjetà.

“Filwaqt li fis-snin preċedenti l-korsijiet speċjalizzati tal-OHSA kienu jilħqu medja ta’ ftit aktar minn 150 persuna fis-sena, f’dawn l-aħħar tliet xhur diġà ngħata taħriġ lil 2,000 persuna. Barra minn hekk, aktar minn 800 persuna oħra huma diġà rreġistrati għal sessjonijiet ta’ taħriġ sal-aħħar tas-sena, b’57 sessjoni skedata u l-possibbiltà li jiżdiedu aktar”, kompla jgħid il-Ministru Attard.

L-inizjattiva qed tagħti aċċess usa’ għal taħriġ speċjalizzat kemm dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kif ukoll dwar is-saħħa mentali.

It-taħriġ qed jilħaq intrapriżi żgħar, persuni li jaħdmu għal rashom, ħaddiema fis-setturi tal-avjazzjoni, kostruzzjoni, manifattura, ħwienet, ristoranti u lukandi, kif ukoll is-setturi tal-kura u l-benesseri. Qed jibbenefikaw ukoll organizzazzjonijiet volontarji, NGOs, kunsilli lokali, entitajiet tal-Knisja u għaqdiet li jorganizzaw attivitajiet fil-komunità.

“Il-ħidma tagħna ma tieqafx hawn, iżda se nkomplu nwettqu l-impenji tagħna, inwessgħu l-aċċess għat-taħriġ u nindirizzaw ir-riskji ta’ postijiet tax-xogħol li qed jevolvu, għax is-saħħa u s-sigurtà huma responsabbiltà ta’ kulħadd”, qal il-Ministru Attard.

Il-Gvern qed jinvesti wkoll fit-taħriġ tal-voluntiera. Permezz ta’ taħriġ bażiku dwar is-saħħa u s-sigurtà, il-voluntiera jkunu jistgħu jwettqu l-proġetti u l-attivitajiet tagħhom b’aktar għarfien u preparazzjoni, inkluż fl-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riskji.

Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Josianne Cutajar saħqet li xogħol volontarju ma jfissirx xogħol mingħajr riskju, u għalhekk kull persuna li tkun involuta f’attività jew proġett għandha tkun konxja tar-riskji u tkun ippreparata biex tħares is-saħħa u s-sigurtà tagħha u ta’ dawk ta’ madwarha.

“L-inawgurazzjoni taċ-Ċentru ta’ taħriġ tal-OHSA fl-2025 kien pass importanti fil-ħidma tagħna biex inkomplu nsaħħu l-kultura ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Se nkomplu ninvestu f’taħriġ aktar prattiku u speċjalizzat, sostnut mir-riċerka u mill-għarfien tekniku tagħna, filwaqt li nħaddnu metodi innovattivi, inkluż l-intelliġenza artifiċjali, biex inkomplu nwasslu taħriġ ta’ kwalità li jwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ dinja tax-xogħol li qed tinbidel”, qalet Dr Cutajar.

Filwaqt li ntwera filmat b’numru ta’ testimonjanzi rigward il-benefiċċji ta’ dan it-taħriġ, il-Kummissarju għaż-Żgħażagħ u l-Iżvilupp tal-Iscouts Daniel Cassar, preżenti b’mod fiżiku għall-konferenza, esprima s-sodisfazzjon tal-mod kif dan it-taħriġ kien strumentali għall-adulti fl-organizzazzjoni imma daqstant importanti fuq livell usa’ u l-edukazzjoni li huma joffru lil dawk kollha li jiffurmaw parti mill-komunità tagħhom.

Preżenti għall-konferenza kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Ronald Mizzi, iċ-Chairman tal-bord tal-OHSA Pierre Fava u partijiet ikkonċernati u organizzazzjonijiet varji li pparteċipaw fit-taħriġ offrut.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Mal-2,000 persuna diġà ngħataw taħriġ bla ħlas dwar is-saħħa u s-sigurtà
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Mal-2,000 persuna diġà ngħataw taħriġ bla ħlas dwar is-saħħa u s-sigurtà
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Mal-2,000 persuna diġà ngħataw taħriġ bla ħlas dwar is-saħħa u s-sigurtà
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI      Tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja b’ħatra ta’ 9 medjaturi oħra fil-Qorti tal-Familja

PR261914

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI ...

 PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives, Carmelo Abela, holds bilateral meetings with counterparts from Cyprus and Slovakia

PR261913en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Re...

More Press Releases Right arrow