Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Hydropool, jacuzzi u multisensory pods fost il-faċilitajiet speċjalizzati ġodda għall-istudenti taċ-Ċentru San Miguel f’Pembroke

PR261397
Date Icon 01/09/2026

Jissaħħu s-servizzi speċjalizzati għall-istudenti taċ-Ċentru San Miguel

Is-sena skolastika li jmiss se tkun tfisser ukoll esperjenza edukattiva aqwa għall-istudenti taċ-Ċentru tar-Riżorsi għall-Edukazzjoni Primarja San Miguel, li jinsab f’Pembroke u li jilqa’ fih studenti b’diżabilità. 

Dan iċ-ċentru se jibda jgawdi minn sensory-hydrotherapy pool, jacuzzi u multisensory pods ġodda u tal-ogħla livell bħala parti minn proġett li qed tmexxi l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Ix-xogħol jinsab għaddej b’ritmu tajjeb biex sal-aħħar ta’ din is-sena l-faċilità tkun tista’ tibda tintuża b’mod komplut mill-istudenti. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ madwar €6 miljun. 

Waqt żjara mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, huwa segwa x-xogħol li għaddej u saħaq kif l-esperjenza edukattiva trid tkun waħda inklussiva u li l-Ministeru huwa kommess li jkompli jinvesti biex jilħaq dan il-għan. 

Għalhekk, qal il-Ministru Camilleri, dan l-investiment huwa eżempju konkret ta’ kif l-inklużjoni fl-edukazzjoni trid tissarraf f’ambjent, servizzi u opportunitajiet li jirrispondu għall-ħtiġijiet differenti ta’ kull student. 

“Edukazzjoni tassew inklussiva tfisser li kull student jingħata dak li għandu bżonn biex jitgħallem, jiżviluppa u jilħaq il-potenzjal tiegħu. F’San Miguel qed nagħmlu dan b’mod konkret, b’investiment f’faċilità tal-ewwel tax-xorta tagħha f’istituzzjoni edukattiva tal-Istat, imfassla madwar il-ħtiġijiet tal-istudenti. Irridu li l-inklużjoni ma tkunx biss prinċipju li nitkellmu dwaru, iżda realtà li t-tfal u l-familji tagħhom jesperjenzaw kuljum. Għalhekk se nkomplu ninvestu fis-servizzi, fil-professjonisti u fl-infrastruttura meħtieġa biex kull tifel u tifla jingħataw l-aħjar opportunità possibbli biex jimxu ’l quddiem,” qal il-Ministru Camilleri.

Iċ-Ċentru San Miguel jipprovdi edukazzjoni full-time lil aktar minn 20 tifel u tifla bejn it-3 u l-11-il sena u joffri wkoll servizzi lil madwar 60 student minn skejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti. L-esperjenzi sensorjali jiffurmaw parti importanti mill-proċess edukattiv ta’ dawn it-tfal, filwaqt li l-faċilitajiet il-ġodda se jkunu qed ifissru servizzi ta’ terapija aqwa wkoll.

Il-kumpless il-ġdid jokkupa medda ta’ 557 metru kwadru u se jkun aċċessibbli direttament mill-iskola. Fl-istess waqt, daħla separata se tippermetti li l-faċilità tintuża b’mod indipendenti anke wara l-ħin tal-iskola. Il-pixxina tal-idroterapija sensorja u l-jacuzzi se jkunu jistgħu jakkomodaw sa 16-il persuna f’daqqa.  

Il-faċilità se tinkludi wkoll sitt faċilitajiet sanitarji u doċoċ mgħammra apposta, kamra għall-ewwel għajnuna, spazji għall-ħażna, kamra għall-pompa tal-pixxina u żewġ kmamar għal diversi skopijiet li jistgħu jakkomodaw sa 30 persuna kull waħda. Dan se jippermetti liċ-Ċentru San Miguel ikompli jwessa’ l-firxa ta’ servizzi speċjalizzati li jista’ joffri lill-istudenti.  

Il-Ministru Camilleri żar iċ-ċentru flimkien mat-tmexxija tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, kif ukoll il-professjonisti li ħadmu fuq il-proġett.

Il-Perit Francesca Axisa mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS), spjegat li dan huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu għall-Fondazzjoni u li l-importanza tiegħu tmur lil hinn mill-aspett arkitettoniku u tekniku.  

“Li taħdem fuq proġett ta’ dan it-tip huwa ta’ sodisfazzjon doppju, kemm minħabba l-valur li fih bħala xogħol ta’ disinn u implimentazzjoni, iżda fuq kollox għax tkun taf li l-proġett se jgawdu minnu studenti li għandhom bżonn dan it-tip ta’ servizzi. Servizzi li grazzi għal dan l-investiment se jingħataw aħjar minn qatt qabel,” qalet il-Perit Axisa. 

Il-Perit Axisa spjegat li l-iżvilupp ta’ estensjoni ġdida maġenb binja eżistenti ġab miegħu diversi sfidi, kemm loġistiċi kif ukoll fid-disinn. Għalhekk, l-estensjoni ġiet imfassla b’mod li tirrispetta l-karattru arkitettoniku tal-iskola, fosthom billi tkompliet il-linja tal-arkati li tikkaratterizza l-faċċata eżistenti. Għalkemm strutturalment indipendenti mill-binja tal-iskola, il-kumpless se jkun konness magħha permezz ta’ kuritur biex jiġi żgurat aċċess faċli għall-istudenti u tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-edukaturi.  

Il-proġett ġie żviluppat b’konsultazzjoni mill-qrib mat-tmexxija taċ-ċentru, sabiex id-disinn u t-teknoloġija tal-faċilità jirriflettu l-ħtiġijiet reali tal-istudenti u tal-professjonisti li se jużawha.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Hydropool, jacuzzi u multisensory pods fost il-faċilitajiet speċjalizzati ġodda għall-istudenti taċ-Ċentru San Miguel f’Pembroke
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Hydropool, jacuzzi u multisensory pods fost il-faċilitajiet speċjalizzati ġodda għall-istudenti taċ-Ċentru San Miguel f’Pembroke
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI      Tkompli tissaħħaħ is-sistema ġudizzjarja b’ħatra ta’ 9 medjaturi oħra fil-Qorti tal-Familja

PR261914

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI ...

 PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives, Carmelo Abela, holds bilateral meetings with counterparts from Cyprus and Slovakia

PR261913en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Re...

More Press Releases Right arrow