Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar żieda ta’ €20,000 f’fond għall-kapijiet tal-iskejjel biex jiġu mgħejuna studenti vulnerabbli

PR261393
Date Icon 30/08/2026

•Miżura mill-manifest elettorali mwettqa fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid li se tibda mis-sena skolastika li jmiss

Waqt żjara lill-istudenti li qed jattendu SkolaSajf fiż-Żejtun, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar illi l-Gvern se jkun qed jimplimenta miżura oħra mwiegħda fil-Manifest Elettorali u li se tkun qed tgħin l-aktar lit-tfal vulnerabbli. Dr Abela ħabbar illi mis-sena skolastika li jmiss l-għotja li tingħata lill-kapijiet tal-iskejjel biex ikunu jistgħu jgħinu tfal neqsin minn affarijiet bażiċi se tittrippla, minn €10,000 għal €30,000 fis-sena. 

Dr Abela spjega kif grazzi għal din iż-żieda l-kapijiet tal-iskejjel se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jgħinu studenti u l-familji tagħhom li ma jkollhomx mezzi biex jixtru uniformijiet u lbies tal-iskola, jippreparaw lunches għall-iskola, iħallsu għal ħarġiet u attivitajiet edukattivi jew inkella jixtru kotba u materjal ieħor importanti għat-tisħiħ tal-ħiliet.  “Din hija miżura li tiżgura li ħadd ma jaqa’ lura. It-tfal tagħna, ġejjin minn fejn ġejjin, irid ikollhom l-aqwa opportunità biex jimmassimizzaw il-potenzjal sħiħ tagħhom,” qal Dr Abela. Huwa sostna illi grazzi għal din iż-żieda, il-Kapijiet tal-iskejjel jistgħu jassiguraw li tabilħaqq ħadd ma jaqa’ lura u li kulħadd jilħaq il-potenzjal tiegħu. 

Dr Abela kompla jgħid illi din mhix biss miżura elettorali mwettqa, imma proposta li tassew se tkompli terfa’ lil dawk l-aktar fil-bżonn ’il fuq, sabiex bil-fatti ebda student jew studenta ma jkollhom xkiel għall-progress edukattiv u personali tagħhom. “Permezz ta’ din il-miżura qed nassiguraw li fil-prattika titħaddem il-ġustizzja soċjali. L-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta għall-mobilità soċjali”, stqarr il-Prim Ministru Robert Abela. 

L-istudenti li jistgħu jibbenefikaw minn dan il-fond jiġu identifikati mill-iskola, f’kollaborazzjoni mat-tim psikosoċjali tal-Kulleġġ. L-identifikazzjoni dejjem issir b’mod sensittiv, kunfidenzjali u rispettuż, abbażi tal-ħtiġijiet reali tal-istudent u tal-familja tiegħu. F’ċerti ċirkostanzi, dan il-fond ġie utilizzat biex jitħallsu servizzi speċjalizzati meħtieġa għall-iżvilupp, il-ġid jew l-inklużjoni tal-istudent.

Il-Kap tal-Iskola Medja u Sekondarja Carlo Diacono fiż-Żejtun Adrian Galea laqa’ din it-tħabbira b’sodisfazzjon. “Dawn iż-żidiet fil-fondi huma investiment tajjeb fl-iskejjel tagħna, li nilqgħuh. Dan se jagħti lill-Kapijiet tal-iskejjel aktar flessbilità biex nindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi fl-iskejjel tagħna, intejbu l-ambjent tat-tagħlim u nsaħħu r-riżorsi li jtejbu direttament l-esperjenza edukattiva tal-istudenti,” qal il-Kap tal-iskola. Temm jgħid li din iż-żieda fl-appoġġ se tgħin għal skejjel aktar siguri, inklużivi u mgħammra aħjar għal kull student. 

Intant fl-istess skola u akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva is-servizz ta’ SkolaSajf bħala wieħed importanti ħafna għall-formazzjoni tat-tfal u żgħażagħ Maltin u Għawdxin. “Huwa servizz ħolistiku li jiffoka fuq attivitajiet kreattivi, fuq attivitajiet sportivi biex niżguraw li l-formazzjoni tat-tfal tagħna, anke waqt ix-xhur ta’ mistrieħ tas-sajf, tibqa’ għaddejja,” irrimarka l-Prim Ministru.

Dr Abela qal li huwa jemmen bis-sħiħ fis-servizzi edukattivi mogħtija waqt SkolaSajf kemm fil-formazzjoni tat-tfal u anke f’għajnuna lil dawk il-familji li jkollhom bżonn servizzi bħal dawk offruti waqt SkolaSajf. Il-Prim Ministru temm jinnota wkoll li waqt SkolaSajf qed ikunu offruti diversi servizzi anċillari lit-tfal, inkluż terapija permezz ta’ psikoterapisti. Din is-sena huma b’kollox 12,634 tifel u tifla li qed jattendu SkolaSajf, f’54 ċentru madwar Malta u Għawdex. B’kollox huma 2,761 edukatur li qed jipparteċipaw fi SkolaSajf bl-investiment totali jlaħħaq s-€7.4 miljun.

Waqt iż-żjara l-Prim Ministru żar ukoll wieħed mill-calming spaces li qed isiru bħala parti minn miżura oħra li qed titwettaq mill-programm ta’ ħidma tal-Gvern li dwaru ngħata mandat elettorali b’saħħtu mill-poplu f’Ġunju li għadda. L-inizjattiva tal-calming spaces fl-iskejjel hija miżura importanti li tikkumplimenta l-kunċett tal-multisensory rooms, bil-għan li jinħolqu ambjenti edukattivi aktar inklużivi u sensittivi għall-bżonnijiet differenti tal-istudenti. Il-calming spaces jipprovdu opportunità lill-istudenti biex jieħdu ftit ħin barra mill-klassi meta jkollhom bżonn jirregolaw l-emozzjonijiet tagħhom, inaqqsu l-istress jew jerġgħu jiffukaw fuq it-tagħlim.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) Pamela Schembri, il-Kap Eżekuttiv tal-FES Michael Bondin u l-Prinċipal tal-Kulleġġ San Tumas Moore George Psaila. 

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar żieda ta’ €20,000 f’fond għall-kapijiet tal-iskejjel biex jiġu mgħejuna studenti vulnerabbli
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar żieda ta’ €20,000 f’fond għall-kapijiet tal-iskejjel biex jiġu mgħejuna studenti vulnerabbli
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar żieda ta’ €20,000 f’fond għall-kapijiet tal-iskejjel biex jiġu mgħejuna studenti vulnerabbli
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar żieda ta’ €20,000 f’fond għall-kapijiet tal-iskejjel biex jiġu mgħejuna studenti vulnerabbli
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  MCCAA signs new Collective Agreement delivering substantial improvements in salaries, employee benefits and professional development opportunities

PR261917en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  L-MCCAA tiffirma Ftehim Kollettiv ġdid li se jwassal għal titjib sostanzjali fis-salarji, fil-benefiċċji tal-impjegati u opportunitajiet imsaħħa ta’ żvilupp professjonali

PR261917

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow