Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT L-Iskola Primarja tal-Belt Valletta qed tiġi totalment rinovata għal skola ġdida

PR261385
Date Icon 28/08/2026


Investiment ta' €2.2 miljun - Xogħlijiet estensivi se jtejbu l-klassijiet, il-faċilitajiet u l-infrastruttura tal-iskola

L-Iskola Primarja tal-Belt Valletta, li tifforma parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, għaddejja minn tiġdid estensiv b'investiment ta' madwar €2.2 miljun, li se jwassal għal titjib sostanzjali fil-klassijiet, il-faċilitajiet u l-infrastruttura tal-iskola. L-investiment għandu l-għan li joħloq ambjent edukattiv aktar modern, aċċessibbli, sigur u sostenibbli għall-istudenti u l-edukaturi.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri żar l-iskola fejn segwa l-progress tax-xogħlijiet li bħalissa għaddejjin bħala parti mill-ewwel fażi tal-proġett. Ix-xogħlijiet qed jitwettqu f'żewġ fażijiet, sabiex parti mill-iskola tkun tista' tibqa' operattiva waqt li jsiru l-interventi fil-parti l-oħra.

Il-Ministru Camilleri qal li dan l-investiment huwa parti mill-ħidma kontinwa biex l-iskejjel ikomplu jiġu modernizzati u joffru ambjent ta' kwalità li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-istudenti u l-edukaturi.

“Din hija skola bi storja importanti fil-qalba tal-Belt Valletta, li għal ħafna snin kienet parti mill-edukazzjoni ta' ġenerazzjonijiet ta' tfal Beltin. Illum qed ninvestu biex din l-istorja tkompli, billi nġeddu l-iskola u nagħtu lill-istudenti u lill-edukaturi ambjent modern, inklużiv u mgħammar għall-ħtiġijiet tal-lum. L-investiment fl-infrastruttura edukattiva huwa investiment dirett fil-kwalità tal-edukazzjoni, għaliex irridu li dak li noffru fil-klassi jkun sostnut minn ambjent li jagħti lill-istudenti l-aħjar kundizzjonijiet biex jitgħallmu, jiżviluppaw u jilħqu l-potenzjal tagħhom. Huwa b'dan il-mod li qed inkomplu nġeddu l-iskejjel tagħna: filwaqt li nħarsu l-identità tagħhom, inħejjuhom biex ikomplu jaqdu lill-istudenti u lill-komunitajiet tagħna għas-snin li ġejjin," qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chief Engineer fi ħdan id-Direttorat tal-Loġistika u l-Infrastruttura Ruben Briffa spjega li fi żmien ftit ġimgħat mistenni jitlesta x-xogħol fuq l-ewwel nofs tal-iskola, filwaqt li matul dawn ix-xogħlijiet in-nofs l-ieħor baqa' operattiv.

Briffa spjega li l-intervent f'din il-parti tal-iskola kien wieħed estensiv, tant li ż-żona ġiet żarmata kompletament sal-istruttura tal-binja, biex imbagħad ġew installati mill-ġdid is-sistemi tal-elettriku, l-ilma, id-drenaġġ u l-komunikazzjoni. Sar ukoll xogħol fuq is-sistemi tal-arja kkundizzjonata u l-pannelli fotovoltajċi. Biex tkun tista' titħaddem is-sistema tal-arja kkundizzjonata, kellha ssir trinka mis-substation li tinsab madwar 60 metru 'l bogħod mill-iskola, li fiha tqiegħed cable ġdid.

Sar ukoll xogħol estensiv ta' kisi u tqegħid ta' madum, flimkien ma' kmamar tal-banju ġodda, b'faċilità aċċessibbli għal persuni b'diżabilità f'kull sular. Qed jiġu installati twieqi ġodda double-glazed, manifatturati mill-ħaddiema tal-Ministeru, filwaqt li s-suffitti u l-bibien li se jitwaħħlu wkoll ġew manifatturati minn tim tal-Ministeru.

L-inklużjoni hija wkoll parti integrali mit-tiġdid tal-iskola, b'kuluri u finishes magħżula biex iqisu l-ħtiġijiet sensorjali ta' studenti bl-awtiżmu u jgħinu biex jinħoloq ambjent edukattiv aktar adattat għalihom.

Il-klassijiet kollha u l-uffiċini amministrattivi se jkunu mgħammra b'sistemi ġodda tal-arja kkundizzjonata, filwaqt li qed jissaħħu wkoll is-sistemi tas-sigurtà permezz ta' sistema ta' detezzjoni tan-nar, alarm kontra dħul mhux awtorizzat, CCTV fl-ispazji komuni u sistema ta' public address.

Il-proġett jinkludi wkoll it-tiġdid u t-tagħmir tas-sala tal-iskola, kif ukoll xogħlijiet fl-ispazji sportivi u rikreattivi fuq barra, fejn fost l-oħrajn qed jiġu installati ħaxix artifiċjali u żoni għall-isport. Dawn l-ispazji se joffru lill-istudenti ambjent aħjar għall-attività fiżika, ir-rikreazzjoni u t-tagħlim barra mill-klassi.

It-tiġdid tal-Iskola Primarja tal-Belt qed isir fil-qafas tal-EDU Infrastructure Programme, programm ta' 13-il sena li permezz tiegħu kull sena qed isiru interventi mmirati fi tmien skejjel. Il-programm jifforma parti mill-ħidma marbuta mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030 u għandu l-għan li jkompli jtejjeb il-kwalità, l-aċċessibbiltà, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ambjent edukattiv.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT L-Iskola Primarja tal-Belt Valletta qed tiġi totalment rinovata għal skola ġdida
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT L-Iskola Primarja tal-Belt Valletta qed tiġi totalment rinovata għal skola ġdida
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  MCCAA signs new Collective Agreement delivering substantial improvements in salaries, employee benefits and professional development opportunities

PR261917en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  L-MCCAA tiffirma Ftehim Kollettiv ġdid li se jwassal għal titjib sostanzjali fis-salarji, fil-benefiċċji tal-impjegati u opportunitajiet imsaħħa ta’ żvilupp professjonali

PR261917

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow