Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Ftehim ġdid biex jissaħħaħ is-servizz tal-klieb ta' assistenza f'Malta

PR261384
Date Icon 28/08/2026


Malta tilqa' kelb ieħor li se jkompli l-vjaġġ tiegħu biex isir kelb ta' assistenza


Il-Gvern se jkun qed isaħħaħ is-servizz tal-klieb ta' assistenza f'Malta permezz ta' ftehim ġdid mas-Service Dogs Malta Foundation, b'investiment ta' aktar minn €150,000 fuq medda ta' tliet snin. Permezz ta' dan il-ftehim, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat se jinvesti aktar minn €50,000 fis-sena bejn l-2027 u l-2029, fost l-oħrajn fit-taħriġ ta' tlett iklieb tas-servizz kull sena.


Dan il-ftehim tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fi Brussell, hekk kif Ink, ġeru Labrador li se jitħarreġ biex isir kelb tas-servizz, beda l-vjaġġ tiegħu lejn Malta sabiex ikompli l-proċess ta' soċjalizzazzjoni u taħriġ tiegħu. L-isem Ink intgħażel bħala taqsira tal-kelma “inklużjoni", b'rabta diretta mal-ħidma tal-Ministeru.

Il-ftehim se jwettaq wegħda elettorali, li permezz tagħha l-Gvern intrabat li jkompli jaħdem mas-Service Dogs Malta Foundation u jibda jalloka fondi kull sena għat-taħriġ ta' klieb imħarrġa apposta biex jassistu persuni b'diżabilità jew kundizzjonijiet differenti, bil-għan li jgħixu ħajja aktar indipendenti u jipparteċipaw b'mod aktar attiv fis-soċjetà.

Il-ftehim jibni fuq il-ħidma li saret fl-aħħar leġiżlatura, meta l-Gvern ħoloq spazju ddedikat fiċ-Ċentru tal-Volontarjat Jake Vella f'Raħal Ġdid, minn fejn is-Service Dogs Malta Foundation setgħet tkompli tiżviluppa u toffri s-servizzi tagħha.

Ink irċieva l-ewwel taħriġ tiegħu ta' soċjalizzazzjoni għand Scale Dogs fil-Belġju. Matul din il-fażi beda jitgħallem jimxi biċ-ċinga fit-triq u ġie espost għal ambjenti, persuni u annimali differenti, fosthom f'ristoranti, ħwienet u supermarkets. Qabel il-vjaġġ tiegħu lejn Malta, Ink tħarreġ ukoll biex juża mezzi differenti ta' trasport sabiex ikun ippreparat għall-vjaġġ bl-ajru.

Il-kelb ingħata t-tilqim meħtieġ u sarulu l-eżamijiet mediċi kollha qabel il-wasla tiegħu f'Malta. Dan il-proċess seta' jsir permezz tas-sħubija tas-Service Dogs Malta Foundation fl-Assistance Dogs International u fil-European Breeding Cooperative.

Mal-wasla tiegħu f'Malta, Ink se jingħaqad ma' familja li se tkun qed trabbih u li, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni, se tkompli l-proċess ta' soċjalizzazzjoni tiegħu. Aktar 'il quddiem, meta jkun laħaq l-età meħtieġa, jibda taħriġ formali ma' trainer professjonali biex jiġi ppreparat biex eventwalment jingħaqad ma' persuna li tkun teħtieġ l-assistenza tiegħu fil-ħajja ta' kuljum.

Il-klieb tas-servizz jistgħu jipprovdu appoġġ prattiku importanti, jgħinu fil-mobilità u fl-orjentazzjoni, u jsaħħu l-indipendenza, il-kunfidenza u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni li jagħmlu użu minnhom.

Il-Ministru Julia Farrugia saħqet li dan il-ftehim huwa eżempju ieħor ta' kif il-Gvern qed iwettaq il-wegħdiet tiegħu permezz ta' miżuri konkreti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. “Qed ninvestu f'servizz li jagħti aktar libertà u awtonomija lill-individwu. Permezz ta' dan il-ftehim mhux biss qed insostnu l-ħidma importanti tas-Service Dogs Malta Foundation, iżda qed noħolqu aktar opportunitajiet biex persuni li jeħtieġu din it-tip ta' assistenza jkunu jistgħu jgħixu b'aktar indipendenza u jipparteċipaw bis-sħiħ fil-komunità," qalet il-Ministru.

Joseph Stafrace minn Service Dogs Malta Foundation stqarr li, “Illum iltqajna ma' Ink għall-ewwel darba, u din hija konferma tal-wegħda elettorali li fl-ewwel mitt jum tingħata għajnuna finanzjarja lis-Service Dogs Malta Foundation. Din l-għajnuna se tkompli tgħin lill-fondazzjoni biex, fl-aħħar mill-aħħar, inkomplu nħarrġu aktar klieb li jkunu jistgħu jgħinu u jagħtu kwalità ta' ħajja aħjar lill-persuni li jużaw service dog. Dan ifisser li l-persuna jkollha aktar indipendenza u aktar opportunitajiet biex tqatta' ħin ta' kwalità mal-ħbieb u l-familjari tagħha, filwaqt li tgawdi kwalità ta' ħajja aħjar. Nirringrazzjaw għall-għajnuna li se tingħata, li se tippermetti lis-Service Dogs Malta Foundation tkompli tikber, tissaħħaħ u tagħmel aktar suċċess fil-ħidma importanti tagħha." 

Mal-wasla ta' Ink f'Malta, fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, huwa ngħaqad mal-familja Coleiro, li se jkunu il-puppy raisers tiegħu għax-xhur li ġejjin. Matul dan il-perjodu, Ink se jgħix mal-familja u jingħata t-taħriġ u l-esperjenza meħtieġa biex jiżviluppa l-ħiliet tiegħu. Fi tmiem dan il-perjodu, se tiġi identifikata l-persuna ideali li magħha Ink ikun jista' jibqa' jgħix għal dejjem u jagħti l-għajnuna u l-indipendenza lill-persuna li tkun teħtieġ.

Fi Brussell il-Ministru Julia Farrugia kienet akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Stephanie Rocco, kif ukoll mill-Ambaxxatur ta' Malta għall-Belġju Dr Vanni Xuereb.

Ritratti: MIV

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Ftehim ġdid biex jissaħħaħ is-servizz tal-klieb ta' assistenza f'Malta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Ftehim ġdid biex jissaħħaħ is-servizz tal-klieb ta' assistenza f'Malta
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Ftehim ġdid biex jissaħħaħ is-servizz tal-klieb ta' assistenza f'Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  MCCAA signs new Collective Agreement delivering substantial improvements in salaries, employee benefits and professional development opportunities

PR261917en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  L-MCCAA tiffirma Ftehim Kollettiv ġdid li se jwassal għal titjib sostanzjali fis-salarji, fil-benefiċċji tal-impjegati u opportunitajiet imsaħħa ta’ żvilupp professjonali

PR261917

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow