Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Il-benefiċċjarji li d-dħul tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ eliġibbiltà se jibbenefikaw minn tranżizzjoni ta’ sentejn fis-sussidju tal-kera

PR261383
Date Icon 27/08/2026

Mekkaniżmu ġdid ta’ tnaqqis gradwali fil-benefiċċju tal-kera – wegħda oħra tal-Manifest Elettorali implimentata fl-ewwel 100 jum tal-Gvern

Il-benefiċċjarji li d-dħul tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ eliġibbiltà, iżda jibqgħu jgħixu bħala kerrejja fis-settur privat, mhux se jitilfu l-għajnuna f’daqqa, iżda se jibbenefikaw minn perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Owen Bonnici, fejn sostna li din hija wegħda oħra tal-Manifest Elettorali li qed tiġi implimentata fl-ewwel 100 jum tal-Gvern.

Il-Ministru Owen Bonnici qal illi din il-bidla fil-Housing Benefit Scheme (HBS), magħruf ukoll bħala l-iskema ta’ sussidju tal-kera, tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jagħmel l-għajnuna aktar ġusta, immirata u sensittiva għall-bidliet fil-qagħda finanzjarja tal-familji. 

Il-Ministru Bonnici qal illi l-Gvern se jkompli jirrevedi u jaġġorna l-iskemi tal-Awtorità tad-Djar biex jibqgħu jirriflettu r-realtajiet ekonomiċi u soċjali tal-lum u jwieġbu b’mod effettiv għall-ħtiġijiet tan-nies. Spjega wkoll kif taħt il-mekkaniżmu l-ġdid, il-benefiċċjarji mhux se jitilfu s-sussidju immedjatament meta jaqbżu l-limitu tad-dħul. Minflok, il-benefiċċju se jitnaqqas gradwalment fuq perjodu ta’ sentejn. 

Fl-ewwel sena, se jibqgħu jirċievu 50 fil-mija tal-benefiċċju li kienu qed jirċievu qabel, filwaqt li fit-tieni sena se jirċievu 25 fil-mija. Il-Ministru Bonnici qal li dan se jipprovdi aktar stabbiltà lill-familji matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jevita li dawk li jkunu tejbu s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom jiġu penalizzati b’mod immedjat.

Il-HBS huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-Awtorità tad-Djar biex jitnaqqas il-piż tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni fuq il-familji bi dħul baxx. Fl-2025, l-investiment f’din l-iskema laħqet €10.7 miljun, b’ftit inqas minn 4,000 familja tibbenefika minn dan is-sussidju matul is-sena.

Il-mekkaniżmu l-ġdid se japplika awtomatikament għall-benefiċċjarji eliġibbli, mingħajr il-ħtieġa li ssir applikazzjoni ġdida. Il-miżura hija wkoll parti mill-proċess ta’ diġitalizzazzjoni tal-Awtorità tad-Djar, li qed inaqqas iż-żmien bejn l-applikazzjoni u l-ewwel ħlas u jnaqqas il-burokrazija għall-benefiċċjarji.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa qal li b’dan il-mekkaniżmu l-ġdid, dawk il-familji jew individwi li jkunu qegħdin jimxu ’l quddiem f’ħajjithom mhux se jitwaqqfilhom il-benefiċċju tal-kera ħesrem. Minflok, din l-għajnuna finanzjarja ser titnaqqsilhom darbtejn fuq perjodu ta’ sentejn. B’hekk, dawk li jibbenefikaw minn din l-iskema, ikunu jistgħu javvanzaw  ’l quddiem fil-ħajja b’mod sostenibbli u stabbli.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Il-benefiċċjarji li d-dħul tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ eliġibbiltà se jibbenefikaw minn tranżizzjoni ta’ sentejn fis-sussidju tal-kera
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Il-benefiċċjarji li d-dħul tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ eliġibbiltà se jibbenefikaw minn tranżizzjoni ta’ sentejn fis-sussidju tal-kera
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  MCCAA signs new Collective Agreement delivering substantial improvements in salaries, employee benefits and professional development opportunities

PR261917en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  L-MCCAA tiffirma Ftehim Kollettiv ġdid li se jwassal għal titjib sostanzjali fis-salarji, fil-benefiċċji tal-impjegati u opportunitajiet imsaħħa ta’ żvilupp professjonali

PR261917

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow