Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Imniedi pjan għall-ħarsien tal-Park Marittimu ta’ Ċirkewwa

pr261320
Date Icon 06/08/2026

Qafas ġdid li jagħti bidu għall-protezzjoni u l-ħarsien tal-ewwel Park Marittimu ta’ Malta

Tnieda uffiċjalment iċ-Ċirkewwa Marine Park Management Plan, li permezz tiegħu l-Park Marittimu mhux se jibqa’ biss rikonoxxut bil-liġi imma jkun protett u mħares b’mod attiv. 

Il-pjan jidentifika l-ħabitats u l-ispeċi li jeħtieġu protezzjoni, il-pressjonijiet li qed jaffettwaw iż-żona u l-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati. Fost dawn hemm zoning, arranġamenti għall-irmiġġ, kodiċi ta’ kondotta, monitoraġġ u infurzar.

Il-pjan tnieda waqt attività organizzata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), flimkien mal-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-Ministeru għat-Turiżmu, iċ-Ċirkewwa Management Council, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Transport Malta u Nature Trust Malta.

Il-Ministri, uffiċjali u rappreżentanti tal-entitajiet involuti vvjaġġaw fuq bastiment tul il-kosta tat-Tramuntana ta’ Malta, fejn għaddew mill-Gżejjer ta’ San Pawl, li riċentement ġiet iddikjarata bħala Żona ta’ Protezzjoni Speċjali, u l-irdumijiet tal-madwar qabel waslu fil-Park Marittimu taċ-Ċirkewwa. Matul il-vjaġġ ġie enfasizzat il-valur ekoloġiku taż-żona u l-ħtieġa ta’ ħidma koordinata biex tibqa’ mħarsa għall-bijodiversità u l-użu rikreattiv. 

“Il-protezzjoni ta’ żona marittima ma tistax tieqaf mat-tfassil ta’ konfini fuq mappa. Permezz ta’ dan il-pjan, il-protezzjoni qed tissarraf f’azzjoni, miżuri ċari, responsabbiltajiet definiti u monitoraġġ kontinwu. L-għan tagħna hu li nħarsu l-ambjent marittimu ta’ Ċirkewwa filwaqt li niżguraw li n-nies ikunu jistgħu jkomplu jgawduh b’mod responsabbli permezz tal-għadis, it-tbaħħir, is-sajd, ir-riċerka u t-turiżmu sostenibbli. Permezz tax-xjenza, l-kooperazzjoni u ħidma effettiva qed inkomplu nipproteġu l-wirt naturali tagħna,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“Il-Park Marittimu tac-Ċirkewwa huwa eżempju ċar ta’ kif nistgħu nsaħħu lil pajjiżna billi nipproteġu dak li jagħmilna uniċi. Il-baħar tagħna huwa wieħed mill-akbar assi ta’ Malta u għalhekk għandna d-dmir li nħarsuh b’mod responsabbli. Dan il-Pjan se jgħinna niżguraw li attivitajiet bħall-għadis, it-tbaħħir u t-turiżmu marittimu jkomplu jiżviluppaw b’mod sostenibbli, filwaqt li nippreservaw il-ġmiel naturali u l-bijodiversità tac-Ċirkewwa għall-ġenerazzjonijiet futuri. It-turiżmu u l-ħarsien tal-ambjent jistgħu jimxu id f’id biex noffru esperjenzi ta’ kwalità u nsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni sostenibbli,” qal il-Ministru Jo Etienne Abela.

“Wara t-twaqqif tal-Park Marittimu ta’ Ċirkewwa aktar kmieni din is-sena, it-tnedija ta’ dan il-Pjan timmarka pass importanti. Dan jibni fuq il-ħolqien tal-Park Marittimu u jittraduċih fi programm prattiku ta’ azzjoni, filwaqt li jipprovdi direzzjoni ċara għall-protezzjoni tal-ewwel Park Marittimu ta’ Malta u jappoġġja r-rikreazzjoni, ir-riċerka u t-turiżmu sostenibbli. Il-Pjan huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-ERA, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Transport Malta u Nature Trust Malta. Dik is-sħubija se tibqa’ essenzjali hekk kif nibdew inwettqu l-miżuri tiegħu u niksbu riżultati konkreti u li jistgħu jitkejlu,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Kevin Mercieca.

“Il-Park Marittimu taċ-Ċirkewwa huwa ferm aktar minn sempliċiment żona marittima protetta; huwa jirrappreżenta approċċ innovattiv li jħares lejn il-futur fil-mod kif jiġi ġestit it-turiżmu, fejn wieħed jagħraf li l-ħarsien tal-ambjent naturali tagħna huwa intrinsikament marbut mal-kwalità tal-esperjenza tal-viżitatur. Permezz tal-integrazzjoni tal-konservazzjoni, ir-riċerka xjentifika, l-edukazzjoni u r-rikreazzjoni responsabbli, il-Park Marittimu jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex tiżgura li Malta tibqa’ waħda mill-aqwa destinazzjonijiet tal-għadis fil-Mediterran u waħda mill-aktar sostenibbli għal ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal Kevin Fsadni, Deputat Kap Eżekuttiv u Direttur tal-Iżvilupp tal-Prodott fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Huwa kompla jispjega li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bdiet taħdem fuq dan il-proġett diversi snin ilu, u llum b’sodisfazzjon qed jaraw din il-viżjoni ssir realtà. Qal li l-Park Marittimu mhux biss se jikkontribwixxi għall-ħarsien ta’ ekosistema marittima unika, iżda se jkompli jsaħħaħ ukoll il-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni ewlenija għat-turiżmu tal-għadis, filwaqt li joħloq benefiċċji fit-tul kemm għall-viżitaturi kif ukoll għall-komunitajiet lokali. Temm jgħid li dan l-iżvilupp importanti kien possibbli bis-saħħa tal-kollaborazzjoni b’saħħitha u l-impenn komuni bejn diversi entitajiet governattivi u partijiet interessati

F’termini prattiċi, il-pjan għandu l-għan li:

● jipproteġi ħabitats importanti taħt il-baħar, b’mod partikolari l-Posidonia;

● jappoġġja l-monitoraġġ xjentifiku tal-bijodiversità marittima;

● jistabbilixxi żoni definiti b’mod ċar għal attivitajiet marittimi differenti;

● jippromwovi kodiċi ta’ kondotta u gwida għal dawk li jagħmlu użu mis-sit; 

● jesplora arranġamenti aħjar għall-irmiġġ u l-possibbiltà li jiġu identifikati żoni fejn l-ankraġġ ma jkunx permess, sabiex jitħarsu l-ħabitats sensittivi f’qiegħ il-baħar;

● isaħħaħ il-monitoraġġ u l-infurzar permezz ta’ koordinazzjoni aktar mill-qrib u, fejn xieraq, sistemi ta’ monitoraġġ;

● isaħħaħ is-sigurtà tal-għaddasa u l-livell ta’ tħejjija f’każ ta’ emerġenza;

● jippromwovi inizjattivi edukattivi, tabelli ta’ informazzjoni u attivitajiet ta’ għarfien għall-iskejjel u għal dawk li jżuru s-sit; u

● jesplora għodod diġitali biex iwassal aktar tagħrif u jqajjem kuxjenza, fosthom filmati diretti minn taħt il-baħar u esperjenzi ta’ realtà virtwali.

Il-pjan għandu l-għan li joħloq bilanċ bejn il-ħarsien tal-ambjent u l-użu rikreattiv u ekonomiku tas-sit, mingħajr ma jillimita l-aċċess. Permezz ta’ żoni definiti, monitoraġġ kontinwu u kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, in-nies se jkunu jistgħu jkomplu jgawdu dan il-post filwaqt li titnaqqas il-pressjoni fuq il-ħabitats l-aktar sensittivi.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Imniedi pjan għall-ħarsien tal-Park Marittimu ta’ Ċirkewwa
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Imniedi pjan għall-ħarsien tal-Park Marittimu ta’ Ċirkewwa
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Imniedi pjan għall-ħarsien tal-Park Marittimu ta’ Ċirkewwa
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Imniedi pjan għall-ħarsien tal-Park Marittimu ta’ Ċirkewwa
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Imniedi pjan għall-ħarsien tal-Park Marittimu ta’ Ċirkewwa
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow