Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment turistiku ta’ €10 miljun f’Buġibba

pr261292
Date Icon 01/08/2026

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela uffiċjalment inawguraw il-lukanda Innside by Meliá ta’ 4 stilel, f’Buġibba. Dan huwa investiment ta’ aktar minn €10 miljun u li jsegwi dak privat u anke pubbliku li sar fil-lokalità fl-aħħar snin. Il-lukanda għandha 86 kamra u tħaddem mal-50 impjegat.

Waqt din iż-żjara Dr Abela emfasizza l-importanza tal-kwalità fit-turiżmu li jġib investiment. Innota li dan l-investiment huwa mmexxi u sar kollu minn familja Maltija. Innota wkoll li dan l-investiment flimkien ma’ oħrajn fl-aħħar snin juri kemm min jinvesti verament jemmen fi prodott turistiku li joffri l-kumdità, il-kwalità u l-eċċellenza. Il-Prim Ministru qal li dan huwa wkoll sinjal ta’ fiduċja tal-investituri lokali u internazzjonali fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar innifisha. 

Dr Abela qal li l-Gvern innifsu investa f’Buġibba bi proġett li ttrasforma l-Pjazza ta’ Buġibba, it-toroq tal-madwar u anke l-promenade ta’ maġenb il-pjazza. “Għax nemmnu fil-kwalità implimentajna proġett li ta dehra kompletament ġdida lill-qalba ta’ Buġibba, investiment li din il-lokalità turistika kienet ilha snin ma tara bħalu.”

Milqugħ mill-familja Agius, is-sidien ta’ din il-lukanda, Dr Abela kompla jgħid li r-riġenerazzjoni taż-żona hija ta’ benefiċċju għar-residenti u t-turisti li jżuru Buġibba u jqattgħu ħin jew ġranet ta’ mistrieħ, filwaqt li tibgħat messaġġ ċar favur aktar titjib u aktar turiżmu ta’ kwalità ogħla. “Fl-aħħar snin rajna investituri lokali, bħall-familja Agius u anke internazzjonali jiftħu lukandi, jirriġenerawhom jew inkella jiftħu stabbilimenti ta’ ċerta portata u kwalità f’din il-lokalità”, qal il-Prim Ministru.

Dr Abela qal li minkejja li l-Gvern ikompli jisħaq fuq il-kwalità, daqstant ieħor huma pożittivi l-wasliet tat-turisti din is-sena, bi kważi 1.7 miljun turist jaslu Malta bejn Jannar u Mejju. Dan filwaqt li ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-ewwel ħames xhur tas-sena t-turisti ħallew kważi €1.4 biljun fl-ekonomija ta’ Malta.

“Il-Gvern se jkompli jħeġġeġ investiment bħal dan, li jkun ta’ kwalità u ta’ livell li anke jaħdem fuq infrastruttura aħjar, inkluża dik tat-trasport. Fil-fatt f’Mejju l-Gvern beda joffri servizz ta’ fast ferry bejn Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex sabiex itejjeb il-mobilità, anke tat-turisti waqt li jkunu f’Malta”, irrimarka l-Prim Ministru.

Dr Abela aċċenna għall-infurzar li sar fl-aħħar ġimgħat u l-leġiżlazzjoni li introduċiet l-on the spot fines kontra mġiba mhux xierqa fil-pubbliku. Fakkar li issa l-Gvern ħa pass ieħor, biċ-ċans saħansitra ta’ tkeċċija mill-pajjiż għal dawk it-turisti li jingħataw multa ta’ aktar minn €200. Dan, kompla jgħid, huwa xhieda ċara ta’ kemm il-Gvern qed jieħu b’serjetà kbira l-ordni pubblika fit-toroq, speċjalment f’lokalitajiet b’konċentrazzjoni għolja ta’ turisti. 

Il-Prim Ministru temm jirringrazzja lill-familja Agius tal-fiduċja li qed juru fl-ekonomija ta’ pajjiżna u talli huma wkoll qed ikunu parti mill-mixja ta’ pajjiżna għal turisti ta’ kwalità aħjar. Huwa wiegħed aktar appoġġ lill-familji u persuni li meta jinvestu, ipoġġu il-kwalità fil-qofol tal-operat tagħhom.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment turistiku ta’ €10 miljun f’Buġibba
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment turistiku ta’ €10 miljun f’Buġibba
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment turistiku ta’ €10 miljun f’Buġibba
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow