Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Pass eqreb biex il-White Rocks isir Park Nazzjonali

pr261268
Date Icon 29/07/2026

Il-Kabinett tal-Ministri approva l-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali li ser jistabilixxi l-White Rocks bħala Park Nazzjonali. Dan se jwassal biex is-sit se jkun jista’ jiġi mħares u ssalvagwardjat bil-għan li l-aċċess pubbliku, l-użu rikreattiv u l-konservazzjoni jingħataw l-ogħla prijorità, bl-aġenzija Project Green tkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Park. 

Dan ikompli mal-wegħda li l-parks u l-ġonna pubbliċi li saru fl-aħħar snin jingħataw il-protezzjoni permess ta’ emendi legali biex jiġu mħarsa minn kwalunkwe żvilupp fil-futur.

Dan il-pass jissinifika mhux biss il-bidu tat-twettiq ta’ wegħda oħra mill-manifest elettorali, imma jkompli mal-impenn li ntwera biex fl-ewwel ħames ġimgħat ta’ ħidma Parlamentari f’din il-leġiżlatura, il-Gvern imbotta 'l quddiem seba' riformi prinċipali, li skattaw jew ġew fis-seħħ fit-totalità tagħhom qabel il-waqfa tal-Parlament għall-ferjat tas-sajf, liema riformi il-Prim Ministru Robert Abela kien indika bħala prijorità għall-Gvern meta kien qed jindirizza l-Parlament waqt ir-risposta tiegħu għall-indirizz tal-President tar-Repubblika fil-ftuħ tal-15-il leġiżlatura.

Fl-aħħar jiem, il-Parlament approva emendi fil-Kostituzzjoni biex id-diżabilità titqies bħala karatteristika protetta bis-saħħa tal-ogħla liġi tal-pajjiż, filwaqt li l-Gvern wassal sat-tielet qari abbozz ta’ liġi bil-għan li titwaqqaf il-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.  

Skattat ukoll il-proċedura parlamentari biex f’pajjiżna ikollna proċess tal-ippjanar iżjed ġust, bl-ewwel qari tal-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu ma jkunx jista’ jibda żvilupp jew bini ġdid sakemm il-permess ikun għadu taħt proċedura t’appell, u jiġu introdotti timelines ċari biex jagħtu iżjed ċertezza lill-partijiet ikkonċernati. Dan il-proċess parlamentari jimxi pari passu mal-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika.

Tressaq ukoll l-ewwel qari tal-abbozz ta’ liġi bil-għan li jsaħħaħ il-qafas leġiżlattiv tas-settur  tal-volontarjat, biex fost l-oħrajn titnaqqas il-burokrazija għall-għaqdiet volontarji u tiġi mgħejjuna l-ħidma tagħhom li tant hi importanti għal soċjetà b’saħħitha u inklussiva.

Fl-aħħar ġranet ġiet ippubblikata l-commencement notice biex daħlu fis-seħħ żewġ liġijiet li se jkomplu jsaħħu l-ħajja ta’ persuni b’diżabilità: L-Att dwar l-Awtonomija Personali u dak dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabbiltà.

Permezz ta’ Avviż Legali ġiet imwessgħa l-lista ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi eliġibbli għall-Pre-implantation Genetic Testing for Monogenic Disorders, magħruf aħjar bħala l-PGT-M, pass ieħor li jikkonferma l-impenn sħiħ tal-Gvern biex juri iżjed empatija ma' min ikun għaddej mill-proċess tal-IVF.

Fl-aħħarnett, fl-aħħar sigħat il-Parlament approva żewġ abbozzi oħra li jkomplu jsaħħu s-saltna tad-dritt permezz ta’ aktar indipendenza, trasparenza u aċċess għall-ġustizzja.  Dawn jinkludu sistema ġdida u indipendenti għall-ħatriet fit-Tribunali Amministrattivi Speċjalizzati, li jimmarka ukoll it-twettiq ta’ wegħda elettorali oħra, u aktar skrutinju tad-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali meta jiddeċiedi, skont il-liġi kriminali, li ma ssirx prosekuzzjoni.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow