Left arrow Go Back

STQARRIJIA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Madliena Woodlands jingħata l-istatus ta’ Żona għall-Protezzjoni tas-Siġar

PR261266
Date Icon 29/07/2026


Dawn iż-żoni jipprovdu protezzjoni essenzjali minn attivitajiet li jistgħu jolqtu ħażin lil speċi differenti ta' siġar

Iż-żona madwar il-Forti storiku tal-Madliena, fejn matul is-snin tħawlu wkoll mal-1,000 siġra oħra, se jiġi kklassifikat bħala Żona għall-Protezzjoni tas-Siġar, magħrufa bħala Tree Protection Area (TPA). Dan l-istatus jagħti protezzjoni lis-sit minn attivitajiet li jistgħu jħallu impatt negattiv fuq iż-żona.

Iż-żona hija mmexxija mill-Kunsill Lokali tas-Swieqi, wara li l-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir ipprovda fondi għall-afforestazzjoni permezz tal-Fond għall-Ambjent amministrat mill-ERA.

Permezz tal-klassifikazzjoni mill-ERA, il-Masġar tal-Madliena issa jingħaqad ma' lista ta' 60 Żona għall-Protezzjoni tas-Siġar f'Malta, Għawdex u Kemmuna, li flimkien jiffurmaw parti mill-inventarju nazzjonali ta' siġar u msaġar ta' importanza.

Fil-Gżejjer Maltin hawn madwar 60 speċi indiġena ta' siġar, li 66% minnhom huma rari jew fil-periklu. Iż-Żoni għall-Protezzjoni tas-Siġar jipprovdu protezzjoni essenzjali minn attivitajiet li jistgħu jolqtu ħażin lil dawn l-ispeċi.

“Hawnhekk għandna medda kbira ta' art li se tkun protetta bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni li permezz tagħha din iż-żona se tingħata l-istatus ta' Tree Protection Area. Dan ifisser li s-siġar f'din iż-żona se jgawdu minn livell ogħla ta' protezzjoni, filwaqt li l-art kollha kemm hi se tkompli tiġi ndukrata bil-għan li maż-żmien tiżviluppa f'propju masġar."

“Matul is-snin sar ħafna tħawwil ta' siġar, ħidma li bħala pajjiż irridu nkomplu nsaħħu. L-għan tagħna huwa li din iż-żona tiżviluppa f'masġar li jitħares u jitgawda mhux biss mill-ġenerazzjonijiet tal-lum, iżda wkoll minn dawk futuri, għall-ġid tal-lokalità tas-Swieqi u tal-pajjiż kollu," qalet il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli waqt it-tħabbira.

“Bil-protezzjoni ta' dan is-sit, qegħdin inkomplu nżidu l-proporzjon ta' żoni protetti f'Malta u nersqu aktar lejn il-miri nazzjonali u Ewropej, inklużi l-impenji meħuda permezz tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Bijodiversità ta' Malta," qalet Marie Therese Gambin, il-Manager tal-ERA responsabbli mill-Bijodiversità u r-Riżorsi Naturali.

“Is-siġar huma element importanti tal-bijodiversità urbana u rurali. Il-funzjonijiet essenzjali tagħhom għas-sostenn tal-ħajja ħafna drabi jitqiesu bħala xi ħaġa ovvja. Dawn jinkludu r-regolazzjoni naturali tal-klima, l-istabbilizzazzjoni tal-ħamrija, il-kontroll tal-ilma tax-xita, il-ħolqien ta' kenn sigur għall-għasafar u l-insetti, u naturalment id-dell għan-nies. Iż-Żoni għall-Protezzjoni tas-Siġar jgħinuna nipproteġu żoni importanti għal diversi speċi ta' siġar minn attivitajiet li jistgħu jagħmlulhom il-ħsara," żiedet Gambin.

Minħabba l-pożizzjoni elevata tiegħu fuq għolja u l-qrubija mal-Forti tal-Madliena, il-masġar jispikka bħala punt distintiv u viżibbli sew fil-pajsaġġ tal-madwar. Din l-art tinsab barra ż-żona tal-iżvilupp u hija proprjetà tal-Gvern.

Il-masġar huwa magħmul prinċipalment minn siġar maturi tal-prinjol, li oriġinarjament tħawlu fis-snin sebgħin. Fl-2019, Ambjent Malta u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi ħawlu madwar 1,000 siġra ta' speċi differenti. Speċi invażivi u aljeni ta' siġar ġew ukoll sostitwiti b'siġar u arbuxelli indiġeni.

Permezz tas-sejħa BELLUS taħt il-Fond għall-Ambjent, amministrat mill-ERA, l-Awtorità allokat ukoll aktar minn €60,000 għar-riġenerazzjoni tal-ġibjun fil-Forti tal-Madliena. Il-ġibjun se jintuża għall-konservazzjoni tal-ilma, għat-tisqija tal-veġetazzjoni tal-madwar u bħala riżorsa f'każ ta' nirien.

Il-Fond għall-Ambjent qiegħed jipprovdi appoġġ finanzjarju għal diversi proġetti li jħaddmu soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura f'żoni urbani, periurbani u rurali. L-għan huwa li jinħolqu aktar spazji ambjentali f'żoni pubbliċi u tittejjeb il-bijodiversità lokali, fost l-oħrajn permezz ta' inizjattivi ta' afforestazzjoni.

STQARRIJIA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Madliena Woodlands jingħata l-istatus ta’ Żona għall-Protezzjoni tas-Siġar
STQARRIJIA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Madliena Woodlands jingħata l-istatus ta’ Żona għall-Protezzjoni tas-Siġar
STQARRIJIA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Madliena Woodlands jingħata l-istatus ta’ Żona għall-Protezzjoni tas-Siġar
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow