Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jitlesta l-proċess ta’ tiġdid ta’ madwar 160,000 Karta tal-Identità

PR261259
Date Icon 28/07/2026

Il-Ministru Attard itenni l-impenn ta' tisħiħ fir-riżorsa umana u aktar għodod diġitali biex jiġi mtejjeb is-servizz offrut liċ-ċittadini

Fi żjara li għamel fl-Aġenzija Identità, il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard iltaqa' u tkellem mal-ħaddiema fil-fergħat differenti. Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Identità Marlene Mizzi  u l-Kap Eżekuttiv l-Kurunell Dr Edric Zahra laqgħu lill-Ministru Attard u lis-Segretarju Permanenti s-Sur Ronald Mizzi.

Dr Zahra flimkien mar-rappreżentanti mill-varji taqsimiet fi ħdan l-Aġenzija spjegaw dwar il-ħidma li għaddejja fit-taqsimiet rispettivi, il-kisbiet, l-isfidi u l-miri biex ikompli jitjieb dan is-servizz li jolqot liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mit-twelid sal-mewt.

Min-naħa tiegħu l-Ministru wera s-sodisfazzjoni għall-mod ta' kif qiegħda titmexxa l-aġenzija u l-mod ta' kif qegħdin jintlaħqu l-miri fosthom fit-taqsima tal-Karti tal-Identità. Ġie spjegat li l-Aġenzija lestiet b'suċċess il-proċess ta' tiġdid ta' madwar 160,000 Karta tal-Identità, pass importanti li jkompli jsaħħaħ il-kwalità u s-sigurtà tad-dokumenti tal-identità Maltin.

“It-tiġdid tal-Karta tal-Identità Maltija ġie effettivament konkluż u fil-fatt it-Taqsima tal-Karta tal-Identità rreġistrat tnaqqis għal applikazzjonijiet ġodda meta kkumparat mal-istess perjodu s-sena li għaddiet u dan wara proċess kumpless. Mill-aspett diġitali qegħdin inkomplu ntejbu l-effiċjenza fejn fl-ewwel nofs ta' din is-sena kien hemm aktar minn tmien miljun tranżazzjoni permezz tal-kont tal-eID," qal il-Ministru Attard.

L-Aġenzija Identità tibqa' impenjata li tkompli tinvesti f'servizzi effiċjenti u f'teknoloġija avvanzata, filwaqt li tfakkar li hija r-responsabbiltà ta' kull detentur li jiżgura li l-karta tal-identità tiegħu jew tagħha tkun dejjem valida.

Matul din il-laqgħa ħareġ ukoll li fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, l-Aġenzija Identità pproċessat total ta' 250,000 applikazzjoni għas-servizzi kollha u varji li toffri. Kien innutat ukoll fost l-oħrajn kif is-servizz ta' tiġdid ta' Karti tal-Identità fil-Kunsilli Lokali se jitkompla fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

“L-organizzazzjoni u l-professjonalità li rajna fil-fergħat kollha tal-Aġenzija Identità jikkonfermaw li hemm viżjoni ċara u komuni bejn l-amministrazzjoni tal-Aġenzija u l-Ministeru. Din hija viżjoni li tpoġġi fil-qalba tagħha l-investiment fir-riżorsa umana, inkluż it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħolqien ta' opportunitajiet kontinwi ta' żvilupp professjonali. Irridu nkomplu ninvestu f'aktar għodod diġitali moderni u effiċjenti biex intejbu l-kwalità tas-servizz li noffru liċ-ċittadini," temm jgħid il-Ministru Attard.

Iċ-Chairperson Marlene Mizzi qalet li “l-għan tagħna huwa li ċ-ċittadini li ta' kuljum javviċinawna fid-diversi fażijiet ta' dokumentazzjoni, jkunu jistgħu jingħataw servizz dejjem imtejjeb ibbażat ukoll fuq l-esperjenza ta' ħaddiema li qegħdin ikomplu jsibu l-opportunitajiet biex filwaqt li jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, ikomplu jtejbu s-servizz offrut".

Min-naħa tiegħu Dr Edric Zahra spjega dwar il-ħidma li hemm għaddejja fuq livelli differenti inkluż fir-riżorsa umana b'opportunitajiet indaqs għall-ħaddiema kollha, l-intelliġenza artifiċjali, l-infrastruttura u anke l-customer care. Hawnhekk Dr Zahra qal li l-Aġenzija timpjega madwar 4% tal-ħaddiema li huma persuni b'diżabilità.

L-Aġenzija Identità toffri bosta servizzi minn fergħat differenti madwar Malta, u fl-aħħar xhur inawgurat fergħa ġdida f'Għawdex, bil-għan biex tkompli titjieb l-aċċessibbiltà.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jitlesta l-proċess ta’ tiġdid ta’ madwar 160,000 Karta tal-Identità
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jitlesta l-proċess ta’ tiġdid ta’ madwar 160,000 Karta tal-Identità
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Jitlesta l-proċess ta’ tiġdid ta’ madwar 160,000 Karta tal-Identità
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow