Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-Kunsill Konsultattiv tal-Agrikoltura

PR261258
Date Icon 28/07/2026
  • Din il-ġimgħa se tiġi ppubblikata reviżjoni fir-regolamenti tal-kategorizzazzjoni tal-bdiewa sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza fil-proċeduri u tingħata assistenza aqwa lill-bdiewa.
  • Ix-xogħol fuq is-Suq tal-Bdiewa f'Ta' Qali se jibda f'Settembru li ġej.

Il-Gvern se jkun qiegħed jippubblika emendi għar-regolamenti dwar il-kategorizzazzjoni tal-bdiewa u r-raħħala li ddaħħlu fl-2024. Dawn ir-regolamenti jgħinu lill-Gvern jassisti bl-aħjar mod lil kategoriji ta' bdiewa differenti, b'mod speċjali lil dawk il-bdiewa li jipproduċu l-aktar u li l-għajxien tagħhom jiddependi mill-agrikoltura.

Dr Abela qal dan waqt li kien qed jiddiskuti diversi temi mal-membri tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Agrikoltura fil-Buskett. Irrimarka li l-aġġornamenti approvati mill-Kabinett se jkomplu jtejbu l-qafas legali li hemm fis-seħħ, jiġu ssimplifikati l-proċeduri u  jintroduċu sistema aktar ġusta għall-bdiewa imfassla skont il-livell tad-dħul  tagħhom. B'hekk l-attività agrikola mhux se tibqa' bbażata biss fuq id-daqs tal-intrapriża agrikola iżda fuq id-dħul attwali u ddikjarat mill-bidwi.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li x-xogħol fuq is-Suq tal-Bdiewa f'Ta' Qali se jkun qed jibda f'Settembru li ġej. Huwa qal li dan il-proġett huwa miżura tal-programm elettorali tal-Gvern. L-għan ta' dan il-proġett huwa li jipprovdi faċilitajiet attrezzati għall-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda u jagħtihom aktar opportunitajiet ta' bejgħ dirett. Mill-banda l-oħra l-konsumatur se jkollu aċċess għal għażla aktar wiesgħa ta' prodotti friski, sustanzjużi u bi prezz affordabbli ta' kuljum.

Waqt li kien qed jisma' l-ideat u s-suġġerimenti tar-rappreżentanti tal-bdiewa u r-raħħala, il-Prim Ministru qal li inizjattivi bħal dawn isaħħu l-provvista tal-ikel, iħarsu l-wirt agrikolu u jipproteġu l-ambjent rurali ta' pajjiżna. Huwa semma li għalkemm dawn il-benefiċċji huma importanti, il-Gvern se jibqa' ffokat fuq it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur u t-titjib tad-dħul tal-bdiewa u r-raħħala.

“Parti mis-sodisfazzjon li nħoss kemm ilni Prim Ministru huwa n-numru ta' riformi li wettaqna u l-appoġġ li tajna sabiex dan is-settur jibqa' wieħed vijabbli, fosthom ir-riforma komprensiva tal-art agrikola, l-immodernizzar fil-Biċċerija Pubblika u r-riforma fil-Pitkalija," qal il-Prim Ministru.

Huwa semma wkoll numru ta' inizjattivi oħra li saru fis-settur, fosthom l-espansjoni tas-sistema tan-new water, skemi mnedija biex jittejjeb l-aċċess għall-art agrikola, skemi ta' immodernizzar tal-inġenji tar-raba' u l-irziezet u appoġġ biex il-bdiewa u r-raħħala jilqgħu għaż-żieda fil-prezzijiet ta' prodotti impurtati.

Hawnhekk Il-Prim Ministru rrefera għaż-żieda fil-bejgħ ta' ħaxix u frott mill-Pitkalija li tela' minn €21 miljun fl-2021 għal kważi €28 miljun fl-2025. Huwa qal li din il-ħidma se tkompli tissaħħaħ permezz ta' sistema diġitali ġdida fil-Pitkalija, l-użu ta' kontenituri aktar moderni u investiment fil-faċilitajiet infushom.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo. Huwa ħabbar li l-Gvern se jkun qed iwettaq miżura oħra mill-programm elettorali hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin se titnieda kampanja ta' għarfien dwar il-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġa.

“Din il-miżura hija marbuta mal-ħidma li qed nagħmlu sabiex nagħtu rikonoxximent uffiċjali lill-varjetà endemika Maltija taż-żebbuġ Bidni u ż-żejt prodott minnha bħala Prodott ta' Denominazzjoni ta' Oriġini (PDO)", qal il-Ministru Refalo.

Qabel il-laqgħa mal-Kunsill Konsultattiv il-Prim Ministru Robert Abela żar iċ-Ċentru tad-Dwieli, fil-Buskett stess. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li s-settur tal-vitikultura huwa importanti bħala vetrina tal-agrikoltura lokali, b'potenzjal ta' qligħ ġust. “Għalina l-produzzjoni tal-inbid hija niċċa turistika importanti u f'din il-leġiżlatura se naraw li jitlesta l-Mużew tal-Inbid fiż-Żebbuġ, Għawdex u naraw li ċ-Ċentru tal-Vitikultura tal-Buskett fejn qegħdin illum jinfetaħ għall-viżitaturi." Kompla jgħid li l-Gvern qed iħares ukoll lejn il-potenzjal tat-turiżmu marbut mal-inbid.

Il-Prim Ministru Robert Abela afferma mill-ġdid li l-viżjoni tal-Gvern fl-agrikoltura hija dik ta' trasformazzjoni lejn mudell li jagħti prijorità lill-valur miżjud, biex minn produzzjoni tradizzjonali s-settur jimxi għal metodi innovattivi filwaqt li minn inizjattivi iżolati jinħoloq żvilupp rurali integrat. “Se jibqa' jkollkom djalogu effettiv u ħaj magħna bħala Gvern, mal-Ministru u s-Segretarju Permanenti responsabbli, u l-ħaddiema tagħhom – u kull meta jkun hemm bżonn miegħi wkoll. Dan huwa t-tip ta' rapport onest u ġenwin li bnejna fl-aħħar snin u li fuqu jiddependi s-suċċess tal-agrikoltura ta' pajjiżna," temm jgħid Dr Abela.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-Kunsill Konsultattiv tal-Agrikoltura
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-Kunsill Konsultattiv tal-Agrikoltura
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-Kunsill Konsultattiv tal-Agrikoltura
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow