STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Aktar indipendenza, aktar trasparenza u aktar aċċess għall-ġustizzja permezz ta’ żewġ riformi ġodda
Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, illum għadda żewġ Abbozzi leġiżlattivi importanti mill-Parlament biex tkompli tissaħħaħ is-saltna tad-dritt, id-demokrazija u jitwessa’ l-aċċess għall-ġustizzja.
Huwa saħaq dwar kif fl-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura, kompla jimplimenta miżura oħra impenjattiva mill-Manifest Elettorali biex jiġi rriformat ukoll il-qafas li jirregola t-Tribunali Amministrattivi Speċjalizzati sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tagħhom filwaqt li tinżamm il-kompetenza speċjalizzata tagħhom.
B’dan l-istess Abbozz, il-Gvern qed jagħżel b’mod konxju li jċedi u jiżvesti ruħu minn setgħa diġà mogħtija lilu bil-liġi, ta’ ħatra ta’ membri fuq tribunali amministrattivi speċjalizzati biex tali poter jingħata f’idejn Kummissjoni indipendenti magħmula minn Imħallef jew Maġistrat irtirat u minn erba’ membri oħra ta’ integrità magħrufa, u kompetenza rikonoxxuta. Mil-lum ’il quddiem l-għażla tal-membri tat-tribunali speċjalizzati se ssir permezz ta’ proċess pubbliku, kompetittiv u bbażat fuq il-mertu. Dan huwa wkoll riflessjoni ta’ tibdiliet fil-mod tal-ħatra tal-ġudikanti f’pajjiżna taħt amministrazzjoni ta’ dan il-Gvern, fejn qabel l-2020 dawn tal-aħħar kienu wkoll jiġu magħżula mill-eżekuttiv. Dan juri element ta’ kontinwità.
F’Abbozz ieħor, il-Ministru Clifton Grima, kompla jsaħħaħ l-aċċess għall-ġustizzja u l-kontabilità fil-ġudizzju tal-Avukat Ġenerali, meta b’deċiżjoni konxja, l-Avukat Ġenerali jiddeċiedi li ma ssirx prosekuzzjoni – deċiżjoni li tista’ ssir skont il-liġi kriminali ta’ pajjiżna. Il-Ministru Grima saħaq li tali riforma tipprovdi aktar lok biex tali deċiżjonijiet ikunu jistgħu jiġu kkontestati u skrutinizzati, filwaqt li tissaħħaħ it-trasparenza, ir-responsabbiltà u s-saltna tad-dritt.
Dawn ir-riformi tfasslu permezz ta’ involviment estensiv mal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP).
L-Abbozz li jittratta t-Tribunali Amministrattivi Speċjalizzati sar ukoll b’involviment dirett u vast mal-Kummissjoni Venezja li matul iż-żjara tagħha f’Malta fuq stedina tal-Gvern Malti, ikkonsultat u ltaqgħet mhux biss mal-Gvern, imma anki wkoll ma’ rappreżentanti tal-Oppożizzjoni, mal-Ombudsman Parlamentari, ma’ għaqdiet professjonali u ma’ partijiet interessati oħrajn.
Fil-ġudizzju tagħha dwar dan l-Abbozz, il-Kummissjoni Venezja b’mod uffiċjali stqarret li “l-emendi proposti jidhru li jindirizzaw diversi tħassib importanti u jirrappreżentaw pass sinifikanti fid-direzzjoni t-tajba.”
Dan huwa l-impenn li l-Gvern qiegħed juri lejn is-settur tal-ġustizzja u lejn it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922