STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Jiftħu l-applikazzjonijiet għal-Logħob Internazzjonali tal-Gżejjer 2027
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li llum infetħu l-applikazzjonijiet għall-atleti Għawdxin li jixtiequ jirrappreżentaw lil Għawdex fil-Logħob Internazzjonali tal-Gżejjer 2027, li se jsiru fil-Gżejjer Faroe bejn it-3 u d-9 ta’ Lulju tas-sena d-dieħla.
Minn meta Għawdex ingħaqad mal-International Island Games Association (IIGA) fl-2022, il-gżira diġà ħalliet impatt pożittiv. Il-parteċipazzjoni ta’ Team Gozo fil-Logħob ta’ Guernsey 2023 u ta’ Orkney 2025 wasslet għal total ta’ seba’ midalji, flimkien ma’ diversi prestazzjonijiet b’saħħithom f’numru ta’ dixxiplini sportivi.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “l-fatt li fi żmien qasir irnexxielna niksbu seba’ midalji u numru ta’ riżultati pożittivi huwa xhieda tat-talent, tad-dedikazzjoni u tal-ħidma tal-atleti Għawdxin tagħna. Dawn is-suċċessi jkomplu jikkonfermaw li Għawdex għandu l-potenzjal biex jikkompeti b’suċċess fuq livell internazzjonali. Il-ftuħ tal-applikazzjonijiet illum huwa l-ewwel pass biex nerġgħu niffurmaw tim b’saħħtu li jirrappreżenta lil Għawdex fil-Gżejjer Faroe.”
Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li Team Gozo se jerġa’ jagħmel kull sforz biex jikseb suċċess fil-Gżejjer Faroe u li l-ftuħ tal-applikazzjonijiet illum jiżgura li jiġu identifikati u magħżula l-aqwa talenti.
L-atleti interessati għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom online fuq gozo.gov.mt jew mill-app mygozo sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Awwissu. Il-Bord tal-Għażla se jkun qed jeżamina kull applikazzjoni bir-reqqa sabiex jivverifika li l-atleti jissodisfaw il-kriterji stabbiliti u jagħżel l-aqwa talenti li se jiffurmaw Team Gozo.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lill-atleti Għawdxin kollha eliġibbli biex japplikaw u jkunu parti mit-Tim li jirrappreżenta lil Għawdex fil-Logħob Internazzjonali tal-Gżejjer 2027.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922