Left arrow Go Back

STQARRIJA MIIL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ jagħmlu l-aħjar għażliet għall-futur tagħhom

PR261250
Date Icon 25/07/2026

‘I Choose’ tlaqqa’ flimkien l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol biex tgħin liż-żgħażagħ ifasslu l-futur tagħhom

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport organizza l-fiera “I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi”, li tgħin lill-istudenti jagħmlu għażliet infurmati dwar il-karriera u l-istudji tagħhom wara li jtemmu l-edukazzjoni obbligatorja. Il-fiera hija mmirata prinċipalment għall-istudenti tal-ħdax-il sena tas-sekondarja u l-ġenituri jew kustodji tagħhom, filwaqt li hija miftuħa wkoll għal studenti oħra u għall-pubbliku inġenerali li jixtieq jesplora opportunitajiet edukattivi u professjonali.

L-inizjattiva tkompli ssaħħaħ il-ħidma tal-Ministeru sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jippjanaw il-passi li jmiss fil-vjaġġ edukattiv u professjonali tagħhom b’aktar għarfien. Permezz ta’ kuntatt dirett ma’ istituzzjonijiet edukattivi, professjonisti u rappreżentanti ta’ diversi setturi, l-istudenti jkollhom l-opportunità jesploraw il-ħafna possibbiltajiet li għandhom quddiemhom.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, flimkien ma’ mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, żaru l-fiera fejn iltaqgħu ma’ studenti, ġenituri, rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet edukattivi, entitajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet u professjonisti minn diversi setturi.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li l-għażliet li jagħmlu ż-żgħażagħ illum jistgħu jsawru l-futur tagħhom u għalhekk huwa essenzjali li jkollhom aċċess għall-informazzjoni, il-gwida u s-sapport meħtieġa biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

“Permezz ta’ ‘I Choose’ qed inlaqqgħu flimkien l-edukazzjoni, it-taħriġ u d-dinja tax-xogħol biex nagħtu liż-żgħażagħ l-għodod meħtieġa sabiex jagħmlu għażliet infurmati dwar il-futur tagħhom. Dan huwa investiment fil-potenzjal taż-żgħażagħ tagħna u fil-ħiliet li se jkollhom bżonn biex jirnexxu fid-dinja tax-xogħol,” qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tagħha, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela qalet li “f’dan l-istadju tant importanti ta’ ħajjithom, iż-żgħażagħ tagħna m'għandniex biss nisimgħuhom, iżda wkoll nagħtuhom l-għodod meħtieġa biex jagħmlu għażliet li jirriflettu t-talenti u l-ħiliet tagħhom”. Hija żiedet tgħid li din il-fiera qed tkompli tixhed il-ħafna opportunitajiet ta’ studju u xogħol ta’ kwalità li ż-żgħażagħ tagħna għandhom f’pajjiżna.

Permezz tal-parteċipazzjoni ta’ 48 esebitur, il-fiera toffri lill-istudenti u lill-familji l-opportunità jiltaqgħu direttament ma’ istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji, entitajiet pubbliċi, rappreżentanti tal-industrija u organizzazzjonijiet minn diversi oqsma. Il-programm inkluda wkoll taħditiet minn professjonisti, sessjonijiet individwali ta’ gwida għall-karriera u informazzjoni dwar firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet edukattivi u professjonali.

L-inizjattiva tifforma parti mis-servizz ta’ gwida għall-karrieri li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport jipprovdi fl-iskejjel sabiex jgħin lill-istudenti jidentifikaw il-ħiliet, l-interessi u l-aspirazzjonijiet tagħhom u jagħmlu għażliet infurmati dwar l-istudji u l-karriera tagħhom. Permezz ta’ inizjattivi bħal ‘I Choose’, il-Ministeru jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu biex iż-żgħażagħ jingħataw l-għodod meħtieġa sabiex jibnu futur ibbażat fuq l-għarfien, il-ħiliet u l-opportunitajiet li joffri pajjiżna.

STQARRIJA MIIL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ jagħmlu l-aħjar għażliet għall-futur tagħhom
STQARRIJA MIIL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ jagħmlu l-aħjar għażliet għall-futur tagħhom
STQARRIJA MIIL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ jagħmlu l-aħjar għażliet għall-futur tagħhom
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow