STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU Ippubblikat stħarriġ dwar l-aċċess għall-finanzjament fis-settur tal-catering
L-Association of Catering Establishments (ACE) ippubblikat ir-riżultati tal-Q1 2026 Access to Finance Survey waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela.
L-istħarriġ, ikkummissjonat mill-ACE u mwettaq minn PwC, analizza l-esperjenzi tal-istabbilimenti tal-catering fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament mill-banek u l-użu ta’ fondi u għotjiet, b’mod partikolari dawk tal-Unjoni Ewropea. L-istħarriġ juri li 81% huma lesti jikkunsidraw fondi Ewropej għal investimenti futuri.
L-ACE spjegat li l-istħarriġ jenfasizza l-ħtieġa għal aktar għarfien dwar il-fondi u l-iskemi ta' għajnuna disponibbli u servizzi ta’ appoġġ għall-operaturi sabiex ikunu jistgħu japplikaw b’suċċess għal dawn il-fondi. Fl-istess waqt, l-Assoċjazzjoni appellat għal aktar kollaborazzjoni mal-banek lokali sabiex il-proċessi ta’ finanzjament ikunu aktar aċċessibbli. Sostniet, li se tkompli taħdem mal-Gvern, mal-istituzzjonijiet finanzjarji u mal-partijiet interessati kollha sabiex jitfasslu soluzzjonijiet konkreti li jwieġbu għall-ħtiġijiet tas-settur u jsaħħu l-kompetittività tiegħu fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Jo Etienne Abela saħaq li l-investiment fis-settur tal-catering huwa kruċjali biex Malta tkompli ssaħħaħ il-prodott turistiku tagħha u tattira aktar viżitaturi ta' kwalità.
“Il-kwalità trid tibqa’ fil-qalba tal-viżjoni tagħna għat-turiżmu. Biex nattiraw turist ta’ kwalità rridu noffru prodott ta’ kwalità, u dan jitlob investiment kontinwu mis-settur. B’kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-industrija se nkomplu nżidu l-għarfien dwar il-fondi u l-iskemi ta’ għajnuna li diġà jeżistu u niffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament sabiex l-operaturi jkollhom l-għodda meħtieġa biex jinvestu, jinnovaw u jkomplu jtejbu s-servizz li joffru,” qal il-Ministru Abela.
Il-Ministru Abela temm jgħid li din il-ħidma tallinja mal-Viżjoni Malta 2050 u mal-Istrateġija Nazzjonali tat-Turiżmu 2021–2030, li għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-kompetittività tas-settur permezz ta' turiżmu ta' aktar kwalità, aktar valur u sostenibbli.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922