Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċentru internazzjonali għall-governanza tal-oċeani permezz ta’ ftehim mal-International Ocean Institute

PR261240
Date Icon 23/07/2026


Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne ffirma ftehim mal-International Ocean Institute (IOI) li jġedded il-qafas li permezz tiegħu Malta tibqa' tospita l-kwartieri ġenerali globali ta' dan l-istitut internazzjonali, li ilu bbażat f'pajjiżna għal aktar minn ħamsin sena.

Il-ftehim jaġġorna l-qafas eżistenti bejn Malta u l-IOI u jipprovdi bażi moderna għall-operat tal-Istitut minn Malta. Dan filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta' Malta bħala ċentru internazzjonali fil-qasam tal-governanza tal-oċeani, il-liġi marittima, l-edukazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar.

Qabel l-iffirmar, il-Ministru Fearne kellu laqgħa ma' Antonella Vassallo, Direttur Maniġerjali tal-IOI u mal-Professur Simone Borg. Matul il-laqgħa ġiet diskussa l-ħidma tal-Istitut kemm f'Malta kif ukoll fuq livell internazzjonali, b'mod partikolari fil-qasam tat-taħriġ u l-edukazzjoni fil-governanza tal-oċeani. Preżenti waqt il-laqgħa u l-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Christopher Cutajar.

Il-Ministru Fearne saħaq li l-baħar huwa parti integrali mill-identità, l-ekonomija u l-politika barranija ta' Malta, u li permezz ta' dan il-ftehim pajjiżna se jkompli jsaħħaħ ir-rwol tiegħu fuq livell internazzjonali fil-governanza sostenibbli tal-oċeani, filwaqt li jibni fuq l-esperjenza u l-wirt storiku tiegħu f'dan il-qasam.

L-International Ocean Institute twaqqaf fl-1972 mill-Professur Elisabeth Mann Borgese u għandu rabta storika mill-qrib ma' Malta. Il-ħidma tiegħu hija mibnija fuq il-prinċipju tal-'Common Heritage of Mankind', kunċett imressaq fuq livell internazzjonali mill-Ambaxxatur Malti Arvid Pardo u li kellu rwol importanti fl-iżvilupp tal-governanza internazzjonali tal-oċeani.

Mill-kwartieri ġenerali tiegħu f'Malta, l-IOI jikkoordina programmi internazzjonali ta' taħriġ u edukazzjoni, filwaqt li permezz tan-network internazzjonali tiegħu jgħin biex professjonisti, uffiċjali u dawk li jfasslu l-politika f'diversi pajjiżi jsaħħu l-għarfien u l-kapaċitajiet tagħhom fil-governanza tal-oċeani.

Ritratt: MFEA

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Malta ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċentru internazzjonali għall-governanza tal-oċeani permezz ta’ ftehim mal-International Ocean Institute
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow