STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT 3,000 parteċipant jipparteċipaw f’Let’s Move Malta tas-Sajf
Tfal jitħarrġu diversi dixxiplini sportivi, inkluż it-tagħlim tal-għawm
Madwar 3,000 parteċipant qed jieħdu sehem fl-edizzjoni ta' din is-sena tal-programm tas-sajf “Let's Move Malta", inizjattiva ta' SportMalta li tippromwovi stil ta' ħajja aktar attiv u b'saħħtu fost it-tfal, iż-żgħażagħ u l-adulti. Matul it-tmien ġimgħat tal-programm, il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità jipparteċipaw f'firxa wiesgħa ta' attivitajiet sportivi organizzati f'seba' ċentri madwar Malta u Għawdex.
L-attivitajiet, li jinkludu fost oħrajn l-għawm, l-atletika, il-futbol, il-ġinnastika, il-fitness, iż-żfin, il-judo u l-qlugħ, qed jitmexxew minn aktar minn 180 kowċ u helper kwalifikati, li qed jiżguraw esperjenza sigura, edukattiva u ta' kwalità għall-parteċipanti kollha.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta' SportMalta Mark Cutajar, żar il-Cottonera Sports Complex, fejn iltaqa' mal-parteċipanti, mal-ġenituri, mal-kowċis u mal-helpers, filwaqt li segwa mill-qrib l-attivitajiet tal-programm “Let's Move Malta". Matul iż-żjara, huwa żar ukoll il-proġetti infrastrutturali sportivi li bħalissa għaddejjin fi ħdan il-kumpless, li huma parti mill-investiment kontinwu tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ il-faċilitajiet sportivi madwar il-pajjiż.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li l-Gvern qed ikompli jinvesti fl-isport bħala mezz biex jippromovi stil ta' ħajja attiv, b'saħħtu, u opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp personali.
“Meta ninvestu fl-isport inkunu qed ninvestu fin-nies. Permezz ta' programmi bħal 'Let's Move Malta' qed noħolqu aktar opportunitajiet biex it-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji jadottaw stil ta' ħajja aktar attiv, filwaqt li niżviluppaw valuri importanti bħad-dixxiplina, il-ħidma f'tim u r-rispett. Dan huwa investiment dirett fil-benesseri u fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi," qal il-Ministru Camilleri.
Huwa rrefera wkoll għall-fatt li matul dan il-programm it-tfal jitgħallmu jgħumu, ħila essenzjali fi gżira bħal tagħna. Saħaq li dan jikkontribwixxi biex ikompli jiżdied l-għarfien dwar is-sigurtà fl-ilma u jitnaqqas ir-riskju ta' inċidenti li sfortunatament nesperjenzaw minn żmien għal żmien.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' SportMalta, Mark Cutajar, qal li l-parteċipazzjoni ta' madwar 3,000 persuna tkompli tikkonferma l-fiduċja li l-familji għandhom fil-programmi ta' SportMalta.
“Il-fatt li sena wara sena eluf ta' persuni jagħżlu 'Let's Move Malta' huwa xhieda tal-kwalità ta' dan il-programm u tal-impenn tal-kowċis, tal-helpers u tal-ħaddiema kollha tagħna. Permezz tal-ħidma tagħhom qed inkomplu noffru esperjenza sportiva pożittiva li tħeġġeġ aktar persuni jagħmlu l-isport parti mill-ħajja tagħhom," qal Cutajar.
Permezz ta' “Let's Move Malta", SportMalta tkompli twettaq il-missjoni tagħha li tagħmel l-isport aktar aċċessibbli u tħeġġeġ aktar persuni jadottaw stil ta' ħajja attiv u b'saħħtu.
Ritratti: MES
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922