Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Malta tappella għal kooperazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha biex tissaħħaħ is-sigurtà

pr261204
Date Icon 17/07/2026

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, ilbieraħ attenda l-Kunsill Informali tal-Ministri għall-Affarijiet Interni f'Dublin, l-Irlanda. Matul din il-laqgħa ġew diskussi l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-iskambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi terzi u l-użu tal-politika dwar il-viżi bħala għodda biex tissaħħaħ is-sigurtà interna.

Il-Ministru Bedingfield appella għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, pajjiżi terzi fdati u s-settur privat biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata u tissaħħaħ is-sigurtà tal-Ewropa.

Waqt id-diskussjonijiet dwar is-sigurtà interna u s-sħubijiet internazzjonali, il-Ministru enfasizza li l-kriminalità organizzata qed issir dejjem aktar transnazzjonali u mmexxija mit-teknoloġija, u għalhekk teħtieġ rispons Ewropew koordinat. Huwa rrimarka kif l-organizzazzjonijiet kriminali joperaw f'diversi setturi, b'enfasi partikolari fuq it-traffikar tad-droga u n-netwerks li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni irregolari, li jibqgħu jiġġeneraw profitti sostanzjali għan-netwerks kriminali filwaqt li jdgħajfu s-sigurtà tal-fruntieri u jpoġġu persuni vulnerabbli f'riskju.

Il-Ministru saħaq fuq l-importanza li jiġu miġġielda n-netwerks li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni irregolari permezz ta' skambju ta' informazzjoni aktar effettiv, ġestjoni aktar b'saħħitha tal-fruntieri u kooperazzjoni eqreb mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu. Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa ta' aktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi, kollaborazzjoni msaħħa permezz tal-Interpol, kif ukoll involviment akbar tas-settur privat sabiex jiġu indirizzati l-isfidi emerġenti fil-qasam tas-sigurtà.

Il-Ministru Bedingfield sostna wkoll it-tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi terzi fdati, inkluż l-iskambju ta' data bijometrika, informazzjoni dwar l-identità u rekords kriminali, ibbażat fuq il-prinċipju tar-reċiproċità, b'salvagwardji robusti għall-protezzjoni tad-data u b'rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali.

Fir-rigward tal-politika dwar il-viżi, il-Ministru appoġġja l-introduzzjoni ta' miżuri restrittivi mmirati kontra individwi marbuta ma' atti ta' aggressjoni, ksur serju tad-dritt internazzjonali jew azzjonijiet li jheddu s-sigurtà Ewropea. Huwa enfasizza li dawn il-miżuri għandhom ikunu bbażati fuq evidenza konkreta, proporzjonati u suġġetti għal skrutinju politiku mill-Istati Membri.

Matul il-laqgħa, il-Ministru Bedingfield tenna li sħubijiet aktar b'saħħithom, skambju ta' informazzjoni aktar effettiv u azzjoni koordinata huma essenzjali biex l-Ewropa tibqa' sigura u ppreparata għall-isfidi tal-futur.

“Netwerks kriminali ma jagħrfux fruntieri, u lanqas m'għandhom jagħrfuhom l-isforzi tagħna biex niġġilduhom. L-Ewropa trid tibqa' magħquda, proattiva u determinata fid-difiża tas-sigurtà u l-interessi tagħha," temm jgħid il-Ministru Bedingfield.

Ritratti: MHS

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Malta tappella għal kooperazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha biex tissaħħaħ is-sigurtà
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ Malta tappella għal kooperazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha biex tissaħħaħ is-sigurtà
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow